Illum tibda edizzjoni oħra ta’ Oħloq Tbissima, il-maratona ta’ solidarjetà organizzata mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), li se tlaqqa’ flimkien lill-poplu Malti u Għawdxi biex jappoġġja proġetti soċjali u missjunarji f’Malta u barra minn xtutna.
L-ewwel jum tal-maratona se jkun iffukat fuq il-ħidma tal-missjunarji tal-MSSP u fuq kif id-donazzjonijiet se jgħinu biex jitwettqu proġetti favur persuni u familji vulnerabbli.
Il-maratona se tiftaħ nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju fl-4 ta’ wara nofsinhar, b’xandir li se jinkludi intervisti, stejjer mill-missjonijiet u aġġornamenti kontinwi dwar id-donazzjonijiet.

Fil-Filippini, Fr Joe Cremona MSSP se jkun qed imexxi proġetti biex familji fil-bżonn ikollhom ilma nadif għax-xorb u djar aktar siguri. Fl-istess pajjiż, Fr Stephen Mifsud MSSP se jkompli jqassam ikel lil persuni li jgħixu fit-toroq u familji foqra f’Manila, filwaqt li jgħin tfal biex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni.
Fil-Pakistan, Fr Pierre Bonnici MSSP se jkompli jgħin familji jlaħħqu mal-ispejjeż ta’ mediċini, operazzjonijiet u kura medika, kif ukoll jappoġġja tiswijiet f’djar li jinsabu f’kundizzjoni perikoluża.
Fil-Gwatemala, Fr Alex Buzuttil MSSP se jkompli jqassam madwar 1,200 ikla kuljum, isaħħaħ il-klinika li toffri kura mingħajr ħlas u jappoġġja d-dar Aldea Sagrada Familia għat-tfal u ż-żgħażagħ.
F’Malta, Fr Louis Mallia MSSP se jkompli jaħdem fuq tliet appartamenti fid-Dar ta’ San Ġużepp, li se joffru akkomodazzjoni temporanja lil żgħażagħ li jkunu qed jibdew jgħixu b’mod indipendenti.

Matul it-tliet ijiem tal-maratona, il-pubbliku se jkun jista’ jingħaqad ukoll għas-serati ta’ varjetà bejn is-7.30 ta’ filgħaxija u l-10.30 ta’ billejl, b’mużika, żfin u divertiment għall-familja kollha. L-ewwel serata se tinkludi artisti bħal Ozzi Lino, Vanessa Vassallo, Kyle, Lyndsay Pace, Jan, Charlene Portelli u oħrajn, flimkien ma’ wirjiet minn Keith Dance Studio, Paul Curmi Dance Company u l-kor Hoi Polloi.
Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jgawdu l-programm filwaqt li jappoġġjaw din il-kawża, b’ikel u xorb disponibbli fuq il-post. L-organizzaturi qed iħeġġu lill-pubbliku jsegwi l-maratona u jagħti s-sehem tiegħu biex dawn il-proġetti jkunu jistgħu jkomplu jwasslu għajnuna lil dawk fil-bżonn.