Ruma se tospita Laqgħa Dinjija tal-Kappillani bi tħejjija għas-Sinodu

Almudena Martínez-Bordiú via Catholic News Agency

Il-Laqgħa Dinjija tal-Kappillani għas-Sinodu dwar is-Sinodalità se ssir bejn id-29 ta’ April u t-2 ta’ Mejju f’Sacrofano, Ruma, u se tirrifletti fuq it-tema “Kif Inkun Knisja Lokali Sinodali fil-Missjoni”.

Bil-ħsieb tat-tieni u l-aħħar sessjoni tas-XVI Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li se ssir fil-Vatikan f’Ottubru li ġej, is-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu stieden numru ta’ kappillani biex jivvjaġġaw lejn Ruma.

L-Isqof Luis Marín de San Martín, sottosegretarju tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu u koordinatur tal-inizjattiva, spjega li hija “laqgħa ta’ smigħ, talb, u dixxerniment promossa mis-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu u d-Dikasteru għall-Kleru, flimkien mad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni u d-Dikasteru għall-Knejjes tal-Lvant.”

Il-Kardinal Mario Grech jitkellem mal-Papa matul l-ewwel ġimgħa tas-Sinodu dwar is-Sinodalità fil-Vatikan fis-6 ta’ Ottubru, 2023. Ritratt: Vatican Media

Il-laqgħa twieġeb ukoll “għar-rakkomandazzjonijiet tal-parteċipanti fl-ewwel sessjoni tas-Sinodu tas-Sinodalità, li saret f’Ottubru 2023, li ssuġġerew li jisimgħu aktar il-vuċi tal-kappillani.”

Kif spjega Marín, l-għan se jkun li “jisma’ u jsaħħaħ l-esperjenza sinodali li qed ikollhom fil-parroċċi u djoċesijiet rispettivi tagħhom” kif ukoll “jippermetti d-djalogu u l-iskambju ta’ esperjenzi u ideat”.

Għan ieħor tal-laqgħa huwa li “jipprovdi materjali li se jintuża fit-tfassil tal-Instrumentum Laboris (dokument ta’ ħidma) għat-tieni sessjoni tas-sinodu.

Quddiesa tat-3 ta’ Ottubru 2023 mal-Kardinali l-ġodda u l-Kulleġġ tal-Kardinali Ftuħ tal-assemblea ġenerali ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan. Ritratt: Vatican Media

In-numru ta’ parteċipanti ġie determinat skont kriterju simili għal dak użat għall-elezzjoni tal-membri tal-Assemblea Sinodu mill-konferenzi tal-Isqfijiet (madwar 200). Madankollu, minħabba t-talbiet li waslu minn xi konferenzi tal-Isqfijiet, in-numru ta’ parteċipanti se jkun akbar minn 200.

Fl-għażla tal-parteċipanti, il-konferenzi tal-Isqfijiet u l-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant intalbu jqisu, kemm jista’ jkun, dawk “li għandhom esperjenza sinifikanti bil-perspettiva ta’ Knisja sinodali”.

Fl-aħħar jum tal-ġabra, fit-2 ta’ Mejju, il-kappillani se jiltaqgħu mal-Papa Franġisku fil-Vatikan u l-laqgħa tintemm b’Quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA