Infakkru t-twelid tal-Beatu Carlo Acutis

Juliet Villar via ACI Prensa

Kull 3 ta’ Mejju, niftakru fit-twelid tal-Beatu Carlo Acutis, żagħżugħ Taljan magħruf għad-devozzjoni profonda tiegħu lejn is-Santissimu Sagrament u l-imħabba tiegħu għat-teknoloġija.

Carlo Acutis twieled fit-3 ta’ Mejju 1991 f’Londra (ir-Renju Unit), fejn ħadmu l-ġenituri tiegħu, Andrea Acutis u Antonia Salzano. Ftit wara, il-familja marret tgħix Milan (l-Italja).

Minn età żgħira, avviċina d-dinja tat-teknoloġija billi uża għodod tal-internet biex jippromwovi u jxerred l-imħabba kbira tiegħu lejn Ġesù fis-Sagrament.

Quddiesa tal-memorja liturġika tal-Beatu Carlo Acutis, ippreseduta mill-Kardinal Vigarju De Donatis fil-Knisja ta’ Sant’Angela Merici f’Ruma fil-11 ta’ Ottubru 2021. Ritratt: Daniel Ibañez

Waħda mill-wirt l-aktar importanti tiegħu kienet wirja virtwali dwar il-mirakli Ewkaristiċi fid-dinja, b’informazzjoni li kienet miġbura u kondiviża permezz ta’ sit li għadu viżibli sal-lum.

Meta kien żagħżugħ, Carlo ġie djanjostikat bil-lewkimja, u offra t-tbatijiet tiegħu għall-Papa u l-Knisja.

It-tobba u l-kappillan li kienu mal-beatu fl-aħħar jiem ta’ ħajtu stqarru: “Dik il-fidi tiegħu f’Alla li ried jittrasmetti lill-oħrajn, lill-proxxmu, kienet trasparenti fih.”

Wara mewtu fl-2006, ta’ 15-il sena biss, il-figura tiegħu bdiet tispira lil ħafna żgħażagħ biex iwasslu l-messaġġ ta’ Kristu fl-isfera diġitali, u kiseb popolarità kbira madwar id-dinja. Inkitbu kotba dwar ħajtu u saru diversi films.

Quddiesa tal-memorja liturġika tal-Beatu Carlo Acutis, ippreseduta mill-Kardinal Vigarju De Donatis fil-Knisja ta’ Sant’Angela Merici f’Ruma fil-11 ta’ Ottubru 2021. Ritratt: Daniel Ibañez

F’Lulju tal-2018, il-Papa Franġisku ddikjarah venerabbli, wara li għaraf il-virtujiet erojċi tiegħu u qiesu denju li jiġi meqjum mill-fidili.

Il-miraklu attribwit għall-interċessjoni tiegħu kien irreġistrat fil-Brażil, seba’ snin wara mewtu, fit-12 ta’ Ottubru 2013, fejn tifel ta’ sitt snin tfejjaq b’mod inspjegabbli minn anomalija serja li kien sofra mit-twelid fil-frixa.

Il-beatifikazzjoni tiegħu ġiet iċċelebrata f’Assisi (l-Italja) fejn jistrieħu l-fdalijiet tiegħu, fl-10 ta’ Ottubru 2020.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA