F’Sqaq il-Bir, biswit id-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, għaddej ix-xogħol fuq proġett li għandu l-għan li jagħti opportunità ġdida lil żgħażagħ li jkunu waslu biex iħallu l-kura residenzjali u jibdew ħajja għal rashom.
Bis-saħħa tad-donazzjonijiet miġbura waqt l-edizzjoni tas-sena li għaddiet ta’ Oħloq Tbissima, beda x-xogħol fuq tliet studio apartments li se jservu bħala akkomodazzjoni temporanja għal żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-21 sena. Il-proġett għandu l-għan li joffri pass gradwali lejn għajxien indipendenti, f’ambjent sigur u b’appoġġ kontinwu.
“Hawnhekk kienet il-kċina l-antika tad-Dar li għal aktar minn mitt sena serviet biex jitħejja l-ikel għal mijiet ta’ persuni, fosthom residenti u ħaddiema,” spjega d-Direttur tad-Dar ta’ San Ġużepp, Fr Louis Mallia MSSP. “Illum dan l-ispazju qed jingħata ħajja ġdida biex iservi lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

L-appartamenti qed jinbnew f’sezzjoni separata mid-Dar u se jkunu mgħammra b’dak kollu li żagħżugħ ikollu bżonn biex jgħix b’mod indipendenti. Barra mill-akkomodazzjoni, ir-residenti se jibqgħu jingħataw mentoring, gwida u inkoraġġiment sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom, jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum.
L-Assistent Direttur tad-Dar ta’ San Ġużepp, David Schembri, spjega li dawn iż-żgħażagħ ħafna drabi jkunu għexu għal snin twal f’ambjent ta’ kura u għalhekk it-tranżizzjoni lejn ħajja kompletament waħedhom tista’ tkun waħda diffiċli. Huwa qal li l-appartamenti se jkunu mgħammra b’kull faċilità meħtieġa biex jagħtuhom l-aqwa bidu possibbli.
“Dawn iż-żgħażagħ ilhom magħna ħafna snin u minn hawn se jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn ħajja indipendenti,” qal Schembri. Huwa żied li x-xogħol miexi b’pass tajjeb, għalkemm il-proġett ħa aktar żmien milli kien mistenni sabiex kull dettall jitlesta bl-ogħla standards.
Fr Louis Mallia rringrazzja lill-pubbliku għall-ġenerożità li wera matul l-edizzjoni preċedenti ta’ Oħloq Tbissima. Huwa qal li d-donazzjonijiet li ngħataw mhux biss għamlu possibbli li jibda dan il-proġett, iżda taw ukoll il-kuraġġ biex din il-viżjoni titkompla sal-aħħar.
“Il-fiduċja li tana l-poplu tagħtina l-enerġija biex inkomplu naħdmu. Nittamaw li bl-appoġġ kontinwu nkunu nistgħu nlestu dan il-proġett u nagħtu ġieħ lil kull min emmen fih,” qal Fr Mallia.

Id-donazzjonijiet li qed jinġabru matul Oħloq Tbissima 2026 se jgħinu biex jitkompla dan il-proġett, bil-għan li l-ewwel residenti jkunu jistgħu jidħlu fl-appartamenti matul is-sena d-dieħla. B’dan il-mod, aktar żgħażagħ se jkollhom mhux biss saqaf fuq rashom, iżda wkoll l-appoġġ meħtieġ biex jibnu futur aktar stabbli u indipendenti.
Dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom jistgħu jagħmlu donazzjoni billi jċemplu fuq 51802009 (€25) jew 51902080 (€50), jibagħtu SMS fuq 50619285, jagħmlu BOV Mobile Pay fuq 7920 2035, jew jagħtu online permezz tas-sit ohloqtbissima.com/donate. Il-pubbliku huwa mistieden ukoll iżur il-bitħa ta’ Dar San Ġużepp, fejn kull filgħaxija mis-7.30pm ‘l quddiem ikun hemm programm ta’ mużika u żfin live, kif ukoll ikel u xorb. Il-maratona tixxandar kuljum bejn l-4pm u l-11pm fuq TVM, Net, ONE u F Living, b’kollegamenti diretti mal-missjunarji Maltin li qed iwettqu l-ħidma tagħhom barra minn Malta. Kull donazzjoni tagħmel differenza u tgħin biex jinbidlu l-ħajjiet ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.