“Oħloq Tbissima għal darb’oħra kienet suċċess.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-organizzaturi wara l-maratona ta’ ġbir ta’ fondi li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fid-Dar ta’ San Ġużepp.
Fi stqarrija, l-organizzaturi rringrazzjaw lil kull min ta donazzjoni u lill-voluntiera kollha li kienu preżenti matul il-maratona, filwaqt li esprimew il-gratitudni tagħhom għall-appoġġ li wassal biex l-inizjattiva tilħaq l-għan tagħha.
Fl-istess stqarrija tħabbar ukoll li l-25 edizzjoni ta’ Oħloq Tbissima se ssir il-Ġimgħa 9, is-Sibt 10 u l-Ħadd 11 ta’ Lulju, 2027.
Huma ħabbru li nġabret is-somma ta’ €470,118, li, fi kliemhom, “żgur se tferraħ lil ħafna familji foqra fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini, kif ukoll se tgħin biex jitlestew il-flats għaż-żgħażagħ li jgħixu f’din id-dar.”

Ir-ringrazzjament tal-organizzaturi kien indirizzat ukoll lit-tekniċi li ħadmu wara l-kwinti biex il-maratona setgħet tittella’. Huma qalu li dawn “għal bosta ġimgħat ħadmu biex tittella’ din il-maratona”, u rrikonoxxew il-ħidma tagħhom.
Fl-istqarrija ma naqsitx ukoll kelma ta’ tifkira għal Mons. Ġużeppi De Piro. L-organizzaturi qalu li huma ċerti li “żgur kien ferħan bil-kongregazzjoni li waqqaf”, filwaqt li sellmu l-wirt tiegħu.
L-organizzaturi għalqu l-messaġġ tagħhom billi reġgħu rringrazzjaw lil kull min ta s-sehem tiegħu biex din l-edizzjoni tkun suċċess ieħor.