Oħloq Tbissima 2026 tiġbor €470,118

Is-24 edizzjoni ta’ Oħloq Tbissima, il-maratona ta’ solidarjetà organizzata minn CAM | CPi Media għalqet b’suċċess wara 21 siegħa ta’ xandir dirett, b’total ta’ €470,118 f’donazzjonijiet.

Matul it-tlett ijiem tal-maratona, il-pubbliku seta’ jsegwi stejjer li wrew kif il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi qed tissarraf f’għajnuna konkreta għal eluf ta’ persuni f’Malta u f’pajjiżi fejn il-missjunarji tal-MSSP iwettqu l-ħidma tagħhom kuljum.

Waqt Oħloq Tbissima  xxandru kollegamenti diretti mal-missjunarji, intervisti u rapporti dwar il-proġetti li qed jitwettqu fil-Peru’, l-Pakistan u  l- Filippini.   Dawn jinkludu inizjattivi biex jinbnew djar għal familji fil-bżonn, jitwassal ilma nadif lil komunitajiet li m’għandhomx aċċess għalih, tingħata kura medika lil dawk li ma jifilħux iħallsu għaliha, jitqassam l-ikel lill-aktar persuni vulnerabbli u jiġu appoġġjati proġetti edukattivi għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Fil-Peru’, il-fondi se jkomplu jsostnu programm li jqassam madwar 1,200 ikla kuljum, is-servizzi offruti mill-klinika tal-missjoni u l-ħidma fid-Dar Aldea Sagrada Familia. Fil-Filippini, se jkomplu l-proġetti ta’ bini ta’ djar u sistemi ta’ ilma nadif, filwaqt li fil-Pakistan il-missjoni se tkompli tipprovdi kura medika u tgħin familji fit-titjib tal-kundizzjonijiet tad-djar tagħhom.

F’Malta, id-donazzjonijiet se jippermettu wkoll li jitkompla l-proġett ta’ tliet studio apartments fid-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera. Dan il-proġett se jipprovdi akkomodazzjoni temporanja u appoġġ kontinwu lil żgħażagħ li jkunu qed jagħmlu t-tranżizzjoni mill-kura residenzjali għal ħajja indipendenti, biex ikunu jistgħu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom, jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jibnu futur aktar stabbli.

L-organizzaturi esprimew il-gratitudni tagħhom lejn il-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità murija, kif ukoll lejn il-voluntiera, il-preżentaturi, il-missjunarji, l-artisti, il-kumpaniji sponsor u l-istazzjonijiet televiżivi TVM, ONE, Net Television u F Living, li flimkien għamlu possibbli s-suċċess ta’ din l-edizzjoni.

Il-€470,118 miġbura matul Oħloq Tbissima 2026 se jkomplu jittrasformaw il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi f’għajnuna konkreta, billi jipprovdu kenn, ikel, kura medika, edukazzjoni, ilma nadif u opportunitajiet ġodda għal eluf ta’ persuni li jiddependu fuq il-ħidma tal-missjunarji tal-MSSP.

LURA GĦALL-FAĊĊATA