Meta persuna tagħti donazzjoni waqt il-Maratona Oħloq Tbissima, tara biss mument: telefonata, messaġġ jew trasferiment bankarju. Iżda dak huwa biss il-bidu ta’ storja ferm akbar.
Fil-fatt, kull ewro li jingħata jibda vjaġġ li jaqsam il-kontinenti. Minn Malta jasal f’komunitajiet fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini, fejn jinbidel f’affarijiet li ħafna minna nqisuhom bħala ovvji – ikla sħuna, bank tal-iskola, mediċina, saqqu nadif jew saħansitra saqaf sigur fuq ras familja.
L-istess jgħodd għal Malta. Parti mill-fondi miġbura matul il-maratona tkompli ssaħħaħ id-Dar ta’ San Ġużepp, fejn żgħażagħ isibu stabbiltà, edukazzjoni u l-opportunità li jibnu futur indipendenti. Donazzjoni, għalhekk, mhijiex biss għotja finanzjarja. Hija investiment fil-potenzjal ta’ persuna.
Din hija l-vera saħħa ta’ Oħloq Tbissima. Il-maratona ma tiġborx biss fondi; tiġbor stejjer. Kull donatur isir parti minn katina ta’ solidarjetà li tgħaqqad familji li qatt ma jiltaqgħu, iżda li b’xi mod isiru marbuta minn att wieħed ta’ ġenerożità.

F’epoka fejn ħafna drabi nisimgħu dwar il-prezzijiet jogħlew u l-ispejjeż tal-ħajja, huwa faċli wieħed jaħseb li kontribuzzjoni żgħira ma tagħmilx differenza. Iżda l-istorja ta’ Oħloq Tbissima turi l-oppost. Meta eluf ta’ persuni jagħtu dak li jistgħu, il-kontributi jingħaqdu u jinbidlu fi proġetti li jdumu snin u li jkomplu jħallu impatt fuq ġenerazzjonijiet sħaħ.
Forsi għalhekk il-kelma “tbissima” fl-isem tal-maratona mhijiex biss simbolu. Hija r-riżultat ta’ dak il-vjaġġ. Tibda b’ġest żgħir minn donatur f’Malta u tispiċċa fuq wiċċ tifel li jkun jista’ jkompli l-edukazzjoni tiegħu, omm li tirċievi kura medika jew żagħżugħ li jingħata ċans ġdid fil-ħajja.
Meta tibda l-Maratona Oħloq Tbissima 2026, il-mistoqsija mhijiex kemm se jinġabru fondi biss. Il-mistoqsija vera hija kemm stejjer ġodda ta’ tama se jibdew minn donazzjoni waħda.
Dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom jistgħu jagħmlu dan b’diversi modi. Tista’ ċċempel fuq 5180 2009 għal donazzjoni ta’ €25 jew fuq 5190 2080 għal donazzjoni ta’ €50. Donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz tal-BOV Mobile App fuq in-numru 7920 2035, jew billi tintbagħat SMS li jiswa €11.65 fuq 5061 9285. Min jixtieq jagħmel donazzjoni akbar ta’ €300 jew aktar jista’ jagħmel pledge fuq 2144 5544 waqt il-maratona. Barra minn hekk, donazzjonijiet jistgħu jsiru online permezz ta’ Oħloq Tbissima, jew permezz tal-formola diretta tad-donazzjonijiet Donate Online.