Hekk kif niċċelebraw il-Festa ta’ Marija Assunta, is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl qasmet messaġġ mis-Superjur Ġenerali l-ġdid tagħna, Fr Martin Galea mssp.
Fr Maritn ifakkarna f’erba’ valuri importanti fil-komunità tal-MSSP: li niltaqgħu ma’ ħaddieħor, inkunu akkoljenti, nuru solidarjetà, u napprezzaw is-sbuħija.
Dawn il-valuri huma parti mill-ħajja u x-xogħol tas-Soċjetà, u għandna nkomplu ngħożżuhom, qalet l-MSSP.
Il-Festa tal-Assunta tgħinna naraw kif is-sbuħija tista’ tressaqna eqreb lejn Alla.

Valuri u virtujiet
Fil-messaġġ tiegħu, Fr Martin ftakar fil-xogħol li għamlet is-Soċjetà waqt il-Kapitlu Ġenerali li għamlet xi xhur ilu.
“Wieħed mir-riżultati sorprendenti tal-aħħar Kapitlu Ġenerali huwa li, permezz tal-għajnuna tal-faċilitatur tagħna, identifikajna erba’ karatteristiċi tal-identità tal-MSSP li l-Kapitlu issa qed jistedinna nirriflettu aktar fuqhom,” qal Fr Martin.
“Dawn il-karatteristiċi huma: laqgħa, ospitalità, solidarjetà u sbuħija. Stajna naraw li dawn il-virtujiet huma preżenti ħafna fil-komunitajiet tagħna, fil-binjiet tagħna, u fil-ministeri tagħna, u huwa dmir tagħna li nkomplu napprezzawhom u nrawmu.”
Qal li dawn ir-riflessjonijiet li jaqsmu matul is-sena kollha jistgħu jservu bħala opportunità għall-MSSP biex japprofondixxu l-għarfien tagħhom dwar dawn il-kwalitajiet.
“F’kull waħda miċ-ċelebrazzjonijiet ewlenin tagħna tal-MSSP, nista’ nara rabta bejn dawn il-virtujiet u dak li niċċelebraw fil-kalendarju liturġiku tagħna. B’mod partikolari, inħoss li ċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità ta’ Marija Assunta tista’ tgħinna napprofondixxu l-apprezzament tagħna lejn is-sbuħija,” kompla s-Superjur.
Is-sbuħija ddawar qlubna lejn Alla
Fr Martin kompla billi qal li s-sbuħija vera titkellem dwar Alla u fakkar fid-dokument tal-Kapitlu li jgħid: “Billi tagħraf il-mod kif is-sbuħija ddawwar il-qlub tan-nies lejn il-Ħallieq tagħhom, is-Soċjetà tistinka biex tassigura li l-ambjenti li fihom jitwettqu d-diversi ministeri tagħha ma jkunux sempliċiment funzjonali iżda jirriflettu wkoll xi ħaġa mill-ġmiel tal-Ħallieq.”
Kompla billi rrefera għall-antifona Benedictus tas-Solennità tal-Assunta li titkellem dwar Marija b’dan il-mod: “Ara s-sbuħija ta’ bint Ġerusalemm, li telgħet s-sema bħax-xemx li tqum mas-sebħ”.

“Tabilħaqq, x’jistaʼ jkun isbaħ minn ħajja li tgħix skond ir-rieda t’Alla?” saqsa Fr Martin fil-messaġġ tiegħu. “X’jistaʼ jagħmel is-sbuħija t’Alla tiddi aħjar minn persuna li ma offriet ebda reżistenza għall-azzjoni t’Alla f’ħajjitha?”
“Dejjem irridu nżommu f’moħħna li l-kompitu primarju tagħna bħala missjunarji u evanġelizzaturi huwa li nxandru s-sbuħija tal-Evanġelju kif jidher f’ħajjitna, kemm personalment kif ukoll kollettivament.
“Kif qal il-Papa Benedittu XVI f’waħda mill-omeliji tiegħu (aktar tard ikkwotat mill-Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium), ‘Il-Knisja tqis lilha nnifisha dixxiplu u missjunarja ta’ din l-Imħabba: missjunarja biss safejn hi dixxiplu, kapaċi li tiġi attirata kontinwament u b’ stagħġib imġedded minn Alla li ħabbna u li jħobbna l-ewwel. Il-Knisja ma tidħolx fil-proselitiżmu. Minflok, hi tikber bl-‘attrazzjoni’: bħalma Kristu ‘jiġbed kollox lejh’ bil-qawwa tal-imħabba tiegħu’.
“Hija s-sbuħija li tiddi minn ġewwa ħajjitna u l-komunitajiet tagħna li jistgħu jiksbu dan.
“Din hija l-biċċa xogħol kbira li qed niġu msejħin għaliha, u forsi ċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità tal-Assunta toffrilna l-possibbiltà li nerġgħu nimpenjaw ruħna f’dan l-ideal – biex nirriflettu f’ħajjitna ġmiel li jgħolli,” ikkonkluda s-Superjur Ġenerali.