Kliem ta’ ringrazzjament fi tmiem Oħloq Tbissima 2025

It-23 edizzjoni tal-maratona ta’ ġbir ta’ fondi Oħloq Tbissima għal darb’oħra kienet suċċess kbir, b’ġabra finali sabiħa ta’ €441,590 li ser titqassam lil diversi entitajiet kemm fil-missjonijiet kif ukoll f’Malta.

Marthese Brincat, il-produttriċi ta’ Oħloq Tbissima, qalet li din is-sena rnexxielhom jagħtu “t-tama għall-ħajja aħjar lill tant nies li qed jgħixu f’miżerja, bin-nuqqas ta’ ikel sustanzjuż, ilma tajjeb għax-xorb, bini jew tkomplijja ta’ skola f’żona remota fil-Peru, kif ukoll għixien indipendenti liż-żagħżagħ li għall-ħafna snin ikunu għexu f’Dar San Ġużepp, Santa Venera, biex anke meta jagħlqu l-eta’ ta’ 18-il sena jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fi studio flats li Fr Louis Mallia irid ilesti sa sitt xhur oħra.”

Is-suċċess ta’ din il-maratona kien possibbli grazzi għall-appoġġ qawwi ta’ ħafna nies. “Dan kollu kien possibbli billi diversi nies għenuna billi tawna prodotti tal-ikel, prodotti oħra ta’ bżonn, kumpaniji oħra li tawna ħafna laħam, frankfurters, chips, chicken strips etc, u oħrajn li tawna daqqa t’id biex inkunu nistgħu nippromovu l-maratona,” spjegat Brincat.

Ir-rwol tal-voluntiera kien kruċjali wkoll: “Ma jonqsux ukoll il-ħafna voluntiera li taw ħafna ħin f’dawn it-tlett ijiem biex ġew jirrispondu t-telefowns, isajru, jaqdu lin-nies u oħrajn biex kollox ikun organizzat. Ma jonqsux il-preżentaturi, kantanti, żeffiena li din is-sena ġew jagħtu sehemhom ukoll.”

Apprezzament speċjali ngħata lill-kru tekniku li ħadem bla waqfien biex il-maratona tkun ta’ livell għoli u professjonali. “Nixtieq li ma ninsa lil ħadd imma ma nistax ma nsemmix lill kru tekniku, speċjalment lil Paul Jones il-moħħ tekniku li sa minn ġimgħat qabel beda jorganizza l-apparat, u n-nies tekniċi oħra biex ix-xandira tal-maratona tkun tajba u professjonali, kemm fil-bitħa tad-Dar ta’ San Ġużepp kif ukoll fl-istudios.”

Brincat faħħret ukoll it-tim tal-produzzjoni li kellu sfida mhux żgħira din is-sena: “Ma jonqosx it-tim tal-produzzjoni li wkoll din is-sena kellu sfida biex iġib nies ta’ talent f’dawn it-tlett ijiem.”

B’mod partikolari, rikonoxximent speċjali ngħata lil Fr Louis, li għandu rwol ċentrali fil-missjoni kollha ta’ Oħloq Tbissima: “Ma nistax ma nsemmix b’mod speċjali lill Fr Louis li b’enerġija u b’imħabba kbira kompla janima dawn it-tlett ijiem ta’ xandir.”

B’radd il-ħajr sinċier, Marthese Brincat temmet b’dan il-messaġġ: “Grazzi lill kulħadd għax permezz ta’ dawn kollha irnexxielna niġbru s-somma sabiħa ta’ €441,590 li ser titqassam lil kull entità kemm fil-missjonijiet u kemm f’Malta. Grazzi lill Alla li tagħtina l-enerġija meħtieġa biex it-23 edizzjoni ta’ Oħloq Tbissima tkun suċċess kif dejjem kienet.”

LURA GĦALL-FAĊĊATA