Oħloq Tbissima 2025 ttemm b’suċċess: €441,590 miġbura f’donazzjonijiet

Il-maratona Oħloq Tbissima 2025 għalqet b’suċċess kbir, hekk kif fi tmiem il-ġurnata tal-aħħar, id-donazzjonijiet telgħu għal €441,590.

Il-maratona ta’ tlett ijiem, li saret bejn il-11 u t-13 ta’ Lulju fl-istudios tas-CPI Media, Santa Venera, rat mijiet ta’ voluntiera, preżentaturi, kantanti u membri mill-komunità jissieħbu biex jiġbru fondi għall-missjonijiet tal-MSSP barra minn Malta.

Matul l-aħħar jum, is-sejħa għad-donazzjonijiet intlaqgħet b’rispons qawwi u kontinwu, u n-nies komplew jagħtu b’ġenerożità sal-aħħar minuta. Kien hemm momentum qawwi tul il-jum, b’donazzjonijiet li baqgħu dieħla b’mod kostanti, sakemm fl-aħħar tħabbar it-total ta’ €441,590.

Oħloq Tbissima ilha ssir 23 sena u l-fondi miġbura jgħinu biex isostnu l-ħidma missjunarja f’diversi pajjiżi, fosthom Perù, Pakistan u Filippini. L-għan ewlieni huwa li jitjieb il-livell ta’ ħajja ta’ komunitajiet fil-bżonn, speċjalment fi setturi bħall-edukazzjoni, saħħa u appoġġ soċjali.

Il-kampanja għandha messaġġ ċar: li kull donazzjoni, żgħira jew kbira, tista’ toħloq tbissima lil min hu fil-bżonn.

L-organizzaturi rringrazzjaw minn qalbhom lil dawk kollha li taw donazzjoni għall-maratona ta’ din is-sena.

LURA GĦALL-FAĊĊATA