Wara ġranet sħaħ mimlija b’dedikazzjoni, talb, ġenerożità u solidarjetà, illum waslet l-aħħar ġurnata tal-maratona Oħloq Tbissima. Dan huwa l-mument kruċjali, l-aħħar sejħa għall-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi biex flimkien inkomplu noħolqu tbissima.
S’issa nġabru aktar minn €203,000, somma impressjonanti li diġà turi l-ġenerożità u l-qalb kbira tal-komunità tagħna. Madanakollu, it-triq għadha miftuħa, u l-għan għadu ma ntlaħaqx. Id-donazzjonijiet qed jidħlu b’qawwa – b’poplu determinat li jasal sal-aħħar sekonda b’passjoni u dedikazzjoni.

Il-voluntiera li qegħdin fl-istudios tas-CPI Media, Santa Venera, u dawk li jinsabu fil-missjonijiet f’Perù, Pakistan u Filippini, kollha qed jgħożżu kull telefonata, kull trasferiment, kull messaġġ – għax wara kull donazzjoni hemm qalb li tagħti u tbissima li qed titwieled.
Missjoni ta’ mħabba
Oħloq Tbissima mhijiex biss ġabra ta’ fondi; hija esperjenza spiritwali, azzjoni komunitarja u prova ċara ta’ kemm il-poplu Malti u Għawdxi jaf jagħti b’mod ġeneruż. Il-maratona ssostni xogħol nobbli mill-missjunarji tal-MSSP – xogħol li jmiss il-qlub, jibni komunitajiet, u jsalva l-ħajjiet.
Fil-Perù, f’Arequipa, Fr Alex spjega kif ħafna tfal huma malnutriti u anemiċi, filwaqt li nisa tqal qed ibatu minn nuqqas ta’ nutrizzjoni adegwata. Il-ħolma tiegħu hi li jipprovdi ikel tajjeb għas-saħħa u mediċini biex dawn it-tfal jiżviluppaw b’mod normali.

Fil-Pakistan, Fr Pierre jixtieq jikseb aktar Reverse Osmosis systems biex jipprovdi ilma nadif għax-xorb lill-familji Nsara u fqar.
Fil-Filippini, Fr Joe għandu żewġ proġetti importanti: wieħed biex jiġi żviluppat akkomodazzjoni għal familji bla dar, u ieħor li jiffoka fuq il-provvista ta’ ilma tax-xorb lil komunitajiet indiġeni li jgħixu fil-muntanji.

F’Malta, fid-Dar ta’ San Ġużepp, Fr Louis jixtieq jibni studio flats għaż-żgħażagħ li jkunu għexu fid-dar minn età żgħira u li issa għalaqhom it-18-il sena, sabiex ikunu jistgħu jibdew ħajja indipendenti waqt li jsibu xogħol jew ikomplu l-istudji tagħhom.Illum, Inti l-Qofol tal-Maratona
L-aħħar jum mhux biss it-tmiem ta’ tlett ijiem ta’ xandir – huwa ċ-ċelebrazzjoni tal-qalb ta’ pajjiż sħiħ. Aħna nafu li jista’ jkun faċli tgħid “għadni kif tajt,” jew “se nara aktar tard.” Iżda issa huwa l-mument. L-aħħar ġurnata tista’ tfisser id-differenza bejn proġett li jsir jew wieħed li jistenna.

Kif tista’ tagħti d-donazzjoni tiegħek:
B’Telefonata:
Ċempel 5180 2009 għal donazzjoni ta’ €25
Ċempel 5190 2080 għal donazzjoni ta’ €50
Permezz tal-BOV Mobile App:
Ibgħat id-donazzjoni tiegħek fuq in-numru 7920 2035
Pledge Line (għal wegħda ta’ donazzjoni):
Ċempel fuq in-numru 2144 5544
B’SMS:
Ibgħat SMS fuq 5061 9285 għal donazzjoni ta’ €11.65
Personalment:
Tista’ wkoll tagħti d-donazzjoni fid-Dar ta’ San Ġużepp, Santa Venera, matul il-jiem tal-maratona.
Ejja nkunu ġenerazzjoni li tagħmel differenza. Il-maratona jista’ jkollha tmiem fiżiku, iżda l-effett tagħha jkompli jgħix f’kull tbissima li ħloqna flimkien.