Marthese Brincat: ‘Il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi tibqa’ l-qalba ta’ Oħloq Tbissima’

Hekk kif il-maratona Oħloq Tbissima tħejji għall-24 edizzjoni tagħha bejn l-10 u t-12 ta’ Lulju, Marthese Brincat, koordinatriċi ta’ Oħloq Tbissima u Assistent Direttur ta’ CPI Media, tħares lura lejn aktar minn għoxrin sena ta’ ġenerożità li bidlet il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni.

Għal Marthese, l-akbar suċċess tal-maratona mhuwiex biss il-miljuni miġbura għall-missjonijiet tal-MSSP fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini, iżda l-fiduċja li l-poplu Malti u Għawdxi wera sena wara sena.

“Naħseb li l-akbar impatt tal-maratona kien il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, li dejjem għarfu s-sagrifiċċji li qed jagħmlu l-patrijiet MSSP mal-fqar,” tgħid Marthese. “U żgur ukoll ħalliet impatt fuq it-tfal u ż-żgħażagħ tad-Dar ta’ San Ġużepp, li jaraw kemm huma maħbuba u appoġġjati.”

Waħda mill-prijoritajiet ta’ din is-sena hija t-tkomplija tal-proġett ta’ tliet appartamenti għal żgħażagħ li jagħlqu t-18-il sena. Skont Marthese, dan se jgħinhom jagħmlu l-pass lejn ħajja aktar indipendenti filwaqt li jibqgħu jkollhom l-appoġġ meħtieġ.

“Għaż-żgħażagħ ifisser ħafna, għax permezz ta’ dan il-proġett huma għandhom saqaf fuq rashom sakemm ikunu finanzjarjament indipendenti. Jitgħallmu wkoll x’jiġifieri tgħix għal rasek għax ikollhom jitgħallmu jsajru, inaddfu u jieħdu ħsieb lilhom infushom.”

Wara li żaret il-Perù u l-Filippini, Marthese tgħid li rat b’għajnejha l-faqar li fih jgħixu ħafna familji fiż-żoni fejn qed jaħdmu l-patrijiet, u dak kollu li jagħmlu l-missjunarji magħhom biex kuljum jgħixu aħjar mill-ġurnata ta’ qabel.

Hija tenfasizza kemm ħafna affarijiet li għalina huma normali, f’dawn il-pajjiżi huma lussu.

“Aħna xxurtjati li għandna edukazzjoni, kura tas-saħħa u saqaf fuq rasna. F’dawn il-pajjiżi xejn mhu garantit.”

Għalhekk, tgħid hi, il-ħidma tal-missjunarji MSSP tiddependi ħafna fuq il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi.

“Biex il-missjunarji MSSP ikomplu bil-ħidma tagħhom, bilfors iridu jistrieħu fuqna biex ikomplu jgħinu lill-fqar f’dak kollu li għandhom bżonn, anke f’affarijiet bażiċi, biex jgħixu ħajja dinjituża. Il-fqar huma rikonoxxenti ħafna lejna għax japprezzaw il-ġenerożità ta’ poplu li jinsab ’il bogħod minnhom.”

Il-messaġġ tagħha huwa wieħed sempliċi iżda qawwi – li kull qatra tgħodd u kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, tista’ tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ xi ħadd.

Il-maratona Oħloq Tbissima ta’ din is sena se tittella’ bejn l-10 u t-12 ta’ Lulju. Dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom jistgħu jagħmlu dan waqt il-maratona jew permezz tal-websajt ohloqtbissima.com, kif ukoll mill-app tbissima.mt. Donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll personalment fid-Dar ta’ San Ġużepp, Santa Venera.

LURA GĦALL-FAĊĊATA