Almudena Martínez-Bordiú via Catholic News Agency
Fl-Udjenza Ġenerali li saret fis-sala Pawlu VI tal-Vatikan fit-8 ta’ Jannar, il-Papa Franġisku u l-fidili gawdew b’entużjażmu spettaklu taċ-ċirku li fih derhu żewġ iljunfanti animatronici.
Ix-xbiha qanqlet il-memorja ta’ Annone, iljunfant albino maestuż ta’ erba’ snin mill-Indja, li ħames sekli ilu kien l-annimal domestiku tal-Papa Ljun X u għex fil-ġonna tal-Vatikan.
Fil-ktieb Il-Vatikan kif qatt ma qalulek, il-ġurnalist Javier Martínez-Brocal jirrakkonta d-dettalji tal-ħbiberija mhux tas-soltu bejn il-ponti tal-familja Medici u dan l-iljunfant li qasam l-ibħra minn Lisbona għall-Italja bħala offerta mir-Re Manwel I ta’ Portugall.
Manuel de Aviz ta dan l-annimal imponenti lis-suċċessur ta’ San Pietru biex jiċċelebra l-bidu tal-pontifikat tiegħu. L-isem Annone kien jirreferi għall-ġenerali Kartaġiniż li oppona l-ġlieda kontra Ruma fl-Ewwel Gwerra Punika. Għalhekk, skont Martínez-Brocal, “kien mod poetiku kif jippreżenta ruħu bħala alleat kordjali.”
Il-membri tal-kurja u ċ-ċittadini Rumani mlew it-toroq biex jaraw il-wasla ta’ Annone, li ntlaqa’ mill-Papa nnifsu ħdejn Castel Sant’Angelo. F’riċeviment ippreparat bir-reqqa, u wara li rċieva s-sinjal mingħand l-għalliem tiegħu, l-iljunfant niżel għarkupptejh tliet darbiet quddiem il-Papa Ljun X.
Imbagħad, l-annimal mela z-zokk tieħu bl-ilma u tefagħha fuq il-kardinali u n-nies, u qajjem daħk u applaws. L-iljunfant sar simbolu f’Ruma, u ħa sehem f’purċissjonijiet u avvenimenti speċjali, għalkemm l-aktar irġiel ta’ fiduċja tal-ponti biss tħallew jersqu lejh.
Kien jgħix fil-ġonna tal-Vatikan, fl-inħawi tal-Belvedere, għalkemm aktar tard mar jgħix f’kompartiment fil-passaġġ li jgħaqqad Castel Sant’Angelo mal-Vatikan. Annone miet sentejn wara l-wasla tiegħu minħabba anġina. L-istorja tgħid li l-Papa Ljun X innifsu akkumpanjah fl-aħħar mumenti tiegħu u li kien midfun fil-Cortile del Belvedere, kumpless ta’ bini fit-Tramuntana tal-Bażilika ta’ San Pietru.
Il-memorja tiegħu ġiet onorata mill-ponti nnifsu, li saħansitra kkompona epitafiju dwaru. Anke l-pittur famuż Raphael, li l-ħanut tax-xogħol tiegħu kien qrib fejn kien jgħix l-annimal, immortaliza l-iljunfant abjad li għaġeb lil Ruma f’mill-inqas erba’ abbozzi.
Il-patri Fra Giovanni da Verona pinġa wkoll tpinġija tal-pakiderma li llum tista’ tidher fil-mużewijiet tal-Vatikan, f’waħda mill-kmamar ta’ Raphael. Annone ispira wkoll lill-istoriku Amerikan Silvio Bedini, awtur tal-ktieb The Pope’s Elephant.
Sena wara l-wasla ta’ Annone f’Ruma, Manwel I tal-Portugall ippreżenta lill-papa annimal eżotiku ieħor. Kien Ganda, rinoċeronte mill-Indja li kien irċieva bħala rigal mingħand sultan Guġarati.
Imma Ruma qatt ma rat lil Ganda, peress li l-vapur li kien qed iġorr inqala’ ħdejn Ġenova. Madankollu, il-fama tiegħu nfirxet madwar l-Ewropa grazzi għall-abbozzi li l-artisti għamlu bid-deskrizzjonijiet ta’ dawk li kienu rawh. Wieħed mill-aktar abbozzi magħrufa huwa dak tal-pittur Ġermaniż Albrecht Dürer, li immortaliza lill-annimal mingħajr qatt ma rah.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.