Kif titlob ir-rużarju aktar fil-fond

via Catholic News Agency

Interessanti li fid-dehriet tagħha f’Lourdes, Fatima u postijiet oħra, Omm Alla kemm-il darba tirrakkmanda li nitolbu r-Rużarju. Għaliex Marija biss tpoġġi r-Rużarju f’qalbna?

Nistgħu nsibu tweġiba possibbli billi nħarsu lejn il-viżjonarji ta’ Lourdes u Fatima. Marija wriet lilha nnifisha lil tfal taʼ ftit istruzzjoni, li lanqas biss setgħu jaqraw jew jiktbu sew. Ir-Rużarju kien għalihom l-iskola xierqa biex jitgħallmu jitolbu sew, peress li silta wara l-oħra, twassalna mit-talb vokali, għall-meditazzjoni, u eventwalment għall-kontemplazzjoni.

Bir-Rużarju, kull min iħalli lilu nnifsu jitmexxa minn Marija jista’ jasal għat-talb interjuri mingħajr ebda tip ta’ teknika speċjali jew prattika kkumplikata.

Ritratt: Dominju Pubbliku

B’dan il-fehim, il-pariri li ġejjin jistgħu jgħinu lil dawk li jitolbu r-Rużarju biex jimxu minn talb vokali għal meditazzjoni u għal kontemplazzjoni interna:

1) Skeda l-ħin

L-iskeda tagħna hija mimlija appuntamenti. Xi ftit jew wisq konxjament, nippjanaw ukoll il-ħin li ser ikollna bżonn għal kull kompitu jew appuntament. Xi drabi tajjeb li nwarrbu 20 jew 30 minuta biex nitlobu r-Rużarju, u niktbuha fl-iskeda.  

Dan “il-​appuntament” maʼ Ġesù u Marija mbagħad huwa importanti daqs l-​oħrajn kollha ppjanati. Għalina lkoll, huwa possibbli li nwarrbu ħin biex nitolbu r-Rużarju, għall-darba, darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa. Maż-żmien – u dan huwa l-għan – ikun aktar faċli li ssib ħin biex titlob ir-Rużarju kuljum.

2) Tgħaġġilx

Nistgħu nitgħallmu lezzjoni dwar it-talb billi nosservaw lin-nies fl-imħabba. Waqt pranzu romantiku, ħadd ma jkun qiegħed iħares kontinwament lejn l-arloġġ, jew jibla’ l-ikel tiegħu, jew jaqbeż id-deżerta biex is-serata tispiċċa kemm jista’ jkun malajr. Pjuttost, ikla romantika tiġġebbed, forsi ddum għal siegħa biex tgawdi kull mument imqatta flimkien.

Hekk hu bit-talba tar-Rużarju. M’għandux jiġi ttrattat bħala xi ħaġa ta’ piż. Nista’ nqatta’ ħin nitkellem fuq ħsieb. Jekk inżommu attitudni paċifika u b’għarfien ta’ kemm hu importanti dan “l-appuntament” ta’ 20 minuta, allura nkunu tlabna sew.

Ritratt: Dominju Pubbliku

3) Kun preżenti totalment għall-esperjenza

Sant Injazju jirrakkmanda dik li tissejjaħ “it-tielet forma ta’ talb”, li tikkonsisti fl-aġġustament tal-kliem għar-ritmu tan-nifs tiegħu stess. Spiss ikun biżżejjed fit-talba tar-Rużarju li nagħmlu mument qasir ta’ pawża bejn il-misteri, u li niftakru li Ġesù u Marija qed iħarsu lejna mimlija ferħ u mħabba.

4) Ħarsa ta’ mħabba

It-talb vokali tar-Rużarju jipprovdi biss ir-ritmu tat-talb. Bil-ħsibijieti, nista’ u għandi noħroġ mir-ritmu biex niltaqa’ mal-Misteru li qed jiġi kkontemplat. Wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-Maħbub tagħna f’għajnejn u nħalluh iħares lura lejna, b’għajnejn mimlija mħabba.

5) Ħalli lilek innifsek tkun immeraviljat

Wieħed mill-ewwel u l-aktar passi importanti għat-talb huwa li wieħed imur mill-ħsieb għall-meravilja. Għandha nħarsu lejn Ġesù u Marija fir-Rużarju bħallikieku qed inħarsu lejn min f’ħajjitna huwa l-aktar importanti u nħarsu lejhom b’għożża u mħabba.

Ritratt: Dominju Pubbliku

6) Ħalli l-ġewwieni tiegħek jinduna bid-dettalji

Xi nies jagħlqu għajnejhom waqt li jitolbu sabiex jikkonċentraw. Oħrajn isibuha utli li jiffokaw għajnejhom fuq ċertu punt (bħal kurċifiss). L-importanti hu li l-għajnejn tal-qalb ikunu miftuħa.

7) Itolbu bil-kliem, il-moħħ u l-qalb

Il-kliem jakkumpanja, il-moħħ jiftaħ, imma hija l-qalb li għandha l-irwol ewlieni fit-talb. L-awturi spiritwali l-kbar kollha jaqblu li t-talb huwa dwar is-sentimenti u l-movimenti ta’ ġewwa. Tereża t’Avila tgħid b’mod sempliċ ħafna: “Taħsibx ħafna, ħobb ħafna!”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA