‘Il-persuna moderata hi bilanċjata mill-prinċipju u l-empatija’ – Papa Franġisku

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku nhar l-Erbgħa, 17 ta’ April ppreżenta r-raba’ u l-aħħar virtù kardinali tat-temperanza fis-sensiela kateketika li għaddejja tiegħu ta’ vizzji u virtujiet billi nnota li t-temperanza nnifisha hija kruċjali biex wieħed jgħix ħajja ferħana u bilanċjata.

“Id-don tal-persuna moderata huwa għalhekk il-bilanċ, kwalità prezzjuża daqskemm hi rari. Tabilħaqq, kollox fid-dinja tagħna jimbotta għall-eċċess. Minflok, it-temperanza tgħaqqad tajjeb mal-valuri tal-Vanġelu bħaċ-ċokon, id-diskrezzjoni, il-pudur, il-ħlewwa,” qal il-Papa lill-fidili miġbura fi Pjazza San Pietru nhar l-Erbgħa.

“F’dinja fejn ħafna nies jiftaħru li jgħidu dak li jaħsbu, il-persuna moderata minflok tippreferi taħseb dwar dak li tgħid,” qal il-Papa. “Persuna moderata ma tagħmilx wegħdiet vojta imma tieħu impenji sal-punt li tista’ twettaqhom.”

Il-Papa Franġisku jsellem liż-żgħażagħ miġbura fi Pjazza San Pietru għall-udjenza ġenerali tiegħu tal-Erbgħa fis-17 ta’ April, fil-Vatikan. Ritratt: Vatican Media

Il-Papa nnota li “l-persuna moderata tirnexxi li żżomm l-estremitajiet flimkien: tafferma prinċipji assoluti, tasserixxi valuri mhux negozjabbli, imma taf ukoll tifhem lin-nies u turi empatija għalihom.”

Il-Papa fetaħ ir-riflessjoni tiegħu dwar it-temperanza billi ħares lejn L-Etika Nikomaka ta’ Aristotli – trattat etiku dwar l-arti tal-għajxien. Franġisku nnota li skont il-​filosfu Grieg, il-milja tal-​bniedem u l-​abbiltà li jgħix ħajja ferħana jistgħu jiġu realizzati biss bil-​“kapaċità li jaħkem lilu nnifsu, l-​arti li ma jħallix lilu nnifsu jingħeleb minn passjonijiet ribelli.”

Din ir-riflessjoni dwar l-etika Artistolejana tpoġġi l-pedament għal fehim tal-virtù preżenti fit-tagħlim tal-Knisja. “It-temperanza hija l-virtù morali li timmodera l-attrazzjoni tal-pjaċiri u tipprovdi bilanċ fl-użu ta’ oġġetti maħluqa,” qal il-Papa, li kkwota mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

Għall-Papa, it-temperanza, kif espressa fil-ħsieb tal-qedem u fil-Knisja, tista’ tiġi mqassra bħala “il-virtù tal-miżura t-tajba,” punt li għamel billi kkuntrastaha ma’ dawk li huma “mqanqla mill-impuls jew mill-eżuberanza,” li jagħmel minnhom “finalment mhux affidabbli.”

Franġisku spjega li biex tkun moderat mhux dejjem jeħtieġ li wieħed ikun “paċifiku” jew “b’wiċċ jitbissem.” Minflok, f’ċerti sitwazzjonijiet, “jeħtieġ li tkun indannat, imma dejjem bil-​mod it-​tajjeb.”

Il-Papa Franġisku jsellem liż-żgħażagħ miġbura fi Pjazza San Pietru għall-udjenza ġenerali tiegħu tal-Erbgħa fis-17 ta’ April, fil-Vatikan. Ritratt: Vatican Media

“Kelma ta’ ċanfira kultant tkun iktar b’saħħitha minn silenzju qares. Il-persuna moderata taf li xejn mhu aktar skomdu milli jikkoreġi persuna oħra, imma jaf ukoll li huwa meħtieġ; inkella, wieħed joffri renju ħieles lill-ħażen,” osserva l-Papa.

Wara l-barka fi tmiem l-udjenza ġenerali, il-Papa Franġisku ġedded l-appell tiegħu għall-paċi fl-Ukrajna u f’Gaża, u talab biex jinħelsu “l-priġunieri tal-gwerra” u t-torturati”.

“It-tortura tal-priġunieri hija ħaġa ħażina ħafna; mhuwiex uman,” qal il-Papa. “Ejja naħsbu fil-ħafna torturi li jagħmlu ħsara lid-dinjità tal-persuna u tal-ħafna nies ittorturati.”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA