Il-Papa Franġisku jikkanonizza qaddisa ġdida

Courtney Mares via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku approva miraklu attribwit għall-interċessjoni tal-Beata Elena Guerra, li fetaħ it-triq għall-kanonizzazzjoni ta’ qaddisa ġdida magħrufa bħala “appostlu tal-Ispirtu s-Santu”.

Ħabiba tal-Papa Ljun XIII u l-għalliema ta’ Santa Gemma Galgani, Elena Guerra (1835–1914) hija magħrufa għall-kitbiet spiritwali tagħha u d-devozzjoni passjonata tagħha lejn l-Ispirtu s-Santu.

Guerra kitbet bosta ittri lill-Papa Ljun XIII bejn l-1895 u l-1903 li fihom talbitu biex iħeġġeġ lill-Kattoliċi kollha biex jitolbu lill-Ispirtu s-Santu.

Il-Papa laqa’ t-talba ta’ Guerra u ppubblika tliet dokumenti dwar l-Ispirtu s-Santu waqt il-korrispondenza tagħhom, fosthom ittra li talbet lill-Knisja kollha titlob novena lill-Ispirtu s-Santu li twassal għal Pentekoste fl-1895 u l-enċiklika tiegħu dwar l-Ispirtu s-Santu, Divinum Illud Munus, fl-1897.

“Pentekoste għadu ma spiċċax,” kitbet Guerra. “Fil-fatt, dejjem għaddej f’kull żmien u f’kull post, għax l-Ispirtu s-Santu xtaq jagħti lilu nnifsu lill-bnedmin kollha u kull min iridu jista’ dejjem jirċievih.”

Guerra hija l-fundatriċi tal-Oblati tal-Ispirtu s-Santu, kongregazzjoni reliġjuża rikonoxxuta mill-Knisja fl-1882.

Il-Papa Ġwanni XXIII sejjaħ lil Guerra “appostlu tal-Ispirtu s-Santu ta’ żmienna” hekk kif ibbeatifikaha fl-1959.

L-Ispirtu s-Santu, parti mit-Trinità Qaddisa (1714) ta’ Johann Michael Rottmayr. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-ħajja ta’ Elena Guerra

Imwielda f’familja nobbli f’Lucca, l-Italja fl-1835, Guerra kienet edukata sew u ffurmata fil-fidi tagħha.

Għal aktar minn-għoxrin sena, Guerra kienet marida b’marda serja – sfida li rriżultat bħala trasformazzjoni għaliha hekk kif iddedikat ruħha biex timmedita fuq l-Iskrittura u l-kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja.

Guerra ħasset is-sejħa biex tikkonsagra lilha nfisha lil Alla waqt pellegrinaġġ f’Ruma ma’ missierha wara l-fejqan tagħha. Hija attendiet għat-tielet sessjoni pubblika tal-Vatikan I fil-Bażilika ta’ San Pietru f’April 1870 u wara ltaqgħet mal-Papa Piju IX fit-23 ta’ Ġunju 1870.

“Mad-dehra tal-Papa Piju IX tant kienet imqanqla li, meta marret lura Lucca, wegħdet li toffri ħajjitha għall-Papa,” skont id-Dikasteru tal-Vatikan għall-Kawżi tal-Qaddisin.

Kontra x-xewqat tal-familja tagħha, f’nofs is-snin tlietin, Guerra ffurmat komunità reliġjuża ddedikata għall-edukazzjoni, li eventwalment saret l-Oblati tal-Ispirtu s-Santu.

Waħda mill-istudenti tagħha, Santa Ġemma Galgani, kitbet fl-awtobijografija tagħha dwar l-impatt spiritwali qawwi tal-edukazzjoni tagħha mis-sorijiet Oblati.

Waqt il-korrispondenza tagħha mal-Papa Ljun XIII, Guerra kkomponiet ukoll talb lill-Ispirtu s-Santu, inkluża Talba tal-Ispirtu s-Santu, fejn talbet lill-Mulej, “ibgħat l-ispirtu tiegħek u ġedded lid-dinja.”

Il-fundatriċi reliġjuża ffaċċjat diffikultajiet fl-aħħar snin ta’ ħajjitha meta uħud minn ħutha akkużawha b’amministrazzjoni ħażina, u wassluha biex tirriżenja mid-dmirijiet tagħha ta’ superjura.

Guerra mietet nhar is-Sibt Imqaddes fil-11 ta’ April 1914. Il-qabar tagħha jinsab f’Lucca fil-Knisja ta’ Sant’Agostino. Is-sorijiet Oblati li waqqfet Guerra jkomplu l-missjoni tagħha llum fl-Italja, il-Kamerun, il-Kanada, il-Filippini u l-Irwanda.

Relikwarju tal-Beata Elena Guerra fil-knisja ta’ Sant’ Agostino f’Lucca. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-miraklu

Il-Papa Franġisku għaraf miraklu attribwit bl-interċessjoni ta’ Guerra li kien jinvolvi l-fejqan ta’ raġel jismu Paulo f’Uberlândia, il-Brażil, fl-2010 wara li waqa’ minn fuq siġra u spiċċa f’koma b’ferita serja f’moħħu. Wara li għadda minn kranjotomija u kirurġija ta’ dekompressjoni, is-sitwazzjoni tar-raġel marret għall-agħar, u għaxart ijiem wara l-waqgħa tiegħu nfetħet kawża biex jiddikjaraw il-mewt tal-moħħ tiegħu, skont il-Vatikan.

Waqt li kien f’koma, membri tat-Tiġdid Kariżmatiku organizzaw talb għall-irkupru ta’ Paulo, u talbu lil kulħadd biex jitlobu għall-fejqan tiegħu permezz tal-interċessjoni tal-Beata Elena Guerra. Fl-għaxar jum wara li bdew jitolbu lill-Beata Elena, it-tobba sabu titjib mhux mistenni fil-kundizzjoni tiegħu, u fi żmien inqas minn xahar ħareġ mill-isptar f’kundizzjoni tajba.

Il-Papa approva uffiċjalment il-miraklu waqt udjenza mal-Kardinal Marcello Semeraro, il-prefett tad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Kawżi tal-Qaddisin, fit-13 ta’ April.

Waqt l-udjenza, il-Papa approva ukoll il-martirju tal-Qaddejja t’Alla Cayetano Clausellas Ballvé, saċerdot djoċesan, u Antonio Tort Reixachs, lajk u missier, it-tnejn maqtula waqt il-Gwerra Ċivili Spanjola fl-1936.

Il-Papa għaraf ukoll il-virtujiet erojċi ta’ Suor Teresa Lanfranco, reliġjuża Taljana mill-Kongregazzjoni tal-Bliet ta’ Santa Maria di Leuca, li mietet f’Ruma fl-1989.

Il-Vatikan se jħabbar id-data tal-kanonizzazzjoni tal-Beata Elena Guerra aktar tard.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA