Fr Martin Galea maħtur bħala Superjur Ġenerali ġdid tal-MSSP

Lara Zammit

Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) bi pjaċir ħabbret li Fr Martin Galea ġie elett bħala s-Superjur Ġenerali l-ġdid tas-Soċjetà.

Fr Martin ġie maħtur mit-tmintax-il membru tal-MSSP waqt il-Kapitlu Ġenerali ta’ din is-sena, li bħalissa qiegħed fl-aħħar ġimgħa tiegħu wara li beda fid-19 ta’ Mejju li għadda.

“L-ewwelnett ninsab grat għall-fiducja li sħabi qed juru fija,” beda Fr Martin b’reazzjoni għall-ħatra tiegħu, “imma fuq kollox għalija dan huwa mument fejn inħoss li l-Mulej qed jistedinni nintelaq aktar f’idejh u nafdah aktar fil-ħajja tiegħi.

“Hija biss il-fedeltà li Alla wera dejjem miegħi li tagħmilli kuraġġ nidħol għal dan ir-rwol – fedeltà li anke qed turi ruħha fit-tim li ġie mogħti lili biex ikun miegħi. 

“Napprezza ferm lil dawk kollha li qed jitolbu għalija f’dan il-mument,” temm jgħid.

Parteċipanti fil-Kunsill Ġenerali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) tal-2024.

Il-ħatra tas-Superjur Ġenerali tagħmel parti mill-missjoni tal-Kapitlu Ġenerali, li jseħħ kull sitt snin.

Hawnhekk, il-Kapitlu jeliġġi l-Kunsill Ġenerali tas-Soċjetà għas-sitt snin li gejjin, li jkun magħmul mis-Superjur Ġenerali u tlett Kunsilliera. Dan ikollu r-responsabiltà tat-tmexxija tas-Soċjetà, partikolarment li jimplimenta dak li l-Kapitlu Ġenerali jkun iddeċieda. 

Il-Kapitlu Ġenerali ukoll ħabbar il-kunsilliera tat-tim ta’ tmexxija l-ġdid li se jakkumpanja lil Fr Martin matul is-sitt snin li gejjin. Dawn huma Fr Frankie Cini li nħatar bħala Vigarju Ġenerali, Fr Mario Micallef bħala l-ewwel assistent u Fr Bernard Falzon bħala tieni assistent.  

It-tema magħżula għall-Kapitlu ta’ din is-sena kienet “Melħ tal-Art u Dawl tad-Dinja”.  

Fr Frankie Cini (ċentru) nħatar bħala Vigarju Ġenerali filwaqt li Fr Mario Micallef (xellug) inħatar bħala l-ewwel assistent u Fr Bernard Falzon se jkun tieni assistent.

Fr Martin ġej minn Raħal Ġdid, Malta u għandu 53 sena. Huwa ħa l-vot perpetwu tiegħu fit-22 ta’ Ottubru 1995, u ġie ordnat fis-26 ta’ Ġunju 1998. Fr Martin għandu esperjenza estensiva. Serva bħala ministru tal-vokazzjoni u formatur għal ħafna snin, kif ukoll bħala kappillan tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl f’Malta.

Ilu parti mill-Amministrazzjoni Ġenerali tas-Soċjetà għal 18-il sena u, fl-aħħar snin, kien responsabbli għad-Dar Internazzjonali ta’ Formazzjoni f’Manila.

Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl twieldet Malta fl-1910 minn Mons Joseph De Piro.

Il-ħolma tiegħu – li jevanġelizza lid-dinja ispirat mill-ħeġġa missjunarja ta’ San Pawl – illum hija inkorporata fil-membri tas-Soċjetà f’diversi pajjiżi tad-dinja, u l-ħafna żgħażagħ u lajċi li jħaddnu din il-viżjoni b’entużjażmu u ħeġġa.

Filwaqt li matul il-ħajja tal-Fundatur, is-Soċjetà kellha fergħat fl-Abissinja, is-snin li segwew traċċaw mogħdijiet f’pajjiżi differenti tad-dinja, moqdija minn membri tal-MSSP: Awstralja, Kanada, Italja, Pakistan, Perù, Kuba, Filippini u Malta.

Kemm jekk permezz tas-servizz lill-migranti jew permezz tal-ħidma soċjali, taż-żgħażagħ u missjunarja ad gentes, it-tema komuni tas-Soċjetà dejjem kienet sempliċi: li jaqsmu ma’ ħaddieħor fil-periferija d-don tal-fidi.

Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl tistieden lill-pubbliku biex jkunu parti minn dan il-mixja ta’ tama fil-poplu ta’ Alla u li jżommu lil Fr Martin f’qalbhom hekk kif jibda l-mandat tiegħu.

LURA GĦALL-FAĊĊATA