Fl-aħħar sigħat ta’ Oħloq Tbissima 2026: kull donazzjoni tagħmel differenza

Hekk kif Oħloq Tbissima 2026 jidħol fl-aħħar sigħat tiegħu, l-organizzaturi qed iġeddu l-appell lill-poplu Malti u Għawdxi biex jagħti s-sehem tiegħu u jgħin biex jitkomplew proġetti li qed ibiddlu l-ħajja ta’ eluf ta’ persuni f’Malta u f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.

Fil-Filippini, il-missjunarji tal-MSSP qed iwettqu proġetti li jipprovdu ilma nadif lil komunitajiet li ilhom snin mingħajr aċċess għal dan is-servizz essenzjali, filwaqt li qed jinbnew djar għal familji li jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji. Permezz ta’ dawn il-proġetti, mijiet ta’ persuni qed jingħataw mhux biss saqaf fuq rashom, iżda wkoll kundizzjonijiet ta’ għajxien aktar siguri u dinjitużi. Fl-istess pajjiż, il-ħidma tinkludi wkoll il-provvista ta’ ikel lil persuni vulnerabbli u appoġġ edukattiv biex aktar tfal ikollhom l-opportunità jkomplu l-istudji tagħhom.

Ħafna familji ġewwa l-Filippini jiddependu mid-donazzjoni tagħkom biex ikollom ikla.Kull kontribuzzjoni tagħti dinjità, imħabba u tama lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha.

Fil-Pakistan, il-fondi se jkomplu jsostnu inizjattivi li jipprovdu kura medika lil familji li ma jaffordjawx trattament tas-saħħa, filwaqt li jgħinu fit-titjib tal-kundizzjonijiet tad-djar tagħhom. Dawn il-proġetti jagħtu tama lil familji li kuljum qed jaffaċċjaw sfidi ekonomiċi u soċjali kbar.

Fil-Gwatemala, il-ħidma tal-MSSP tkompli tilħaq lill-aktar persuni vulnerabbli permezz tat-tqassim ta’ madwar 1,200 ikla kuljum. Fl-istess ħin qed jissaħħu s-servizzi offruti mill-klinika tal-missjoni u jitkompla l-appoġġ lid-Dar Aldea Sagrada Familia, li tilqa’ tfal u żgħażagħ li jeħtieġu ambjent sigur, kura u opportunitajiet għal futur aħjar.

F’Malta, id-donazzjonijiet qed jgħinu biex jitlesta l-proġett ta’ tliet studio apartments fid-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera. Dawn se joffru akkomodazzjoni temporanja lil żgħażagħ li jkunu qed iħallu l-kura residenzjali u jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn ħajja indipendenti. Minbarra saqaf fuq rashom, iż-żgħażagħ se jingħataw mentoring, gwida u appoġġ kontinwu biex ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom, jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jibnu futur stabbli.

Il-pubbliku huwa mistieden ukoll iżur il-bitħa ta’ Dar San Ġużepp, fejn kull filgħaxija mis-7.30 p.m. ‘l quddiem ikun hemm programm ta’ mużika u żfin live, flimkien ma’ ikel frisk u xorb. Il-maratona tixxandar kuljum bejn l-4.00 p.m. u l-11.00 p.m. fuq TVM, ONE, Net u F Living, b’kollegamenti diretti mal-missjunarji Maltin li qed iwettqu l-ħidma tagħhom madwar id-dinja.

Kull donazzjoni, kbira jew żgħira, tgħin biex dawn il-proġetti jkomplu jagħtu tama, dinjità u opportunitajiet ġodda lil eluf ta’ persuni li jiddependu fuq l-appoġġ tal-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom jistgħu jagħmlu donazzjoni billi jċemplu fuq 51802009 (€25) jew 51902080 (€50), jibagħtu SMS fuq 50619285, jagħmlu BOV Mobile Pay fuq 79202035, jew jagħtu online permezz ta’ ohloqtbissima.com/donate.

LURA GĦALL-FAĊĊATA