Ferrero Rocher: Iċ-ċikkulata ispirata mill-Madonna ta’ Lourdes

Francesca Pollio Fenton via Catholic News Agency

Ħafna jafu lil kumpanija Ferrero Rocher għall-prodotti taċ-ċikkulata popolari tagħhom magħmulin mill-ġellewż, iżda r-rabta tal-kumpanija mal-Madonna ta’ Lourdes hija inqas magħrufa.

Michele Ferrero, il-fundatur tal-kumpanija u Kattoliku devot, kellu devozzjoni profonda lejn il-Verġni Mqaddsa Marija u ried jonoraha permezz tal-ħidma tiegħu. Huwa rrappurtat li semma lill-kumpanija tiegħu “Rocher” f’ġieħ il-grotta tal-blat – ir-Rocher de Massabielle – li timmarka l-post fejn il-Verġni Marija dehret lil Santa Bernadette f’Lourdes, Franza.

Fil-fatt, “rocher” tfisser “blat” bil-Franċiż. B’dan f’moħħhom, ħafna jindikaw il-kisja tqarmeċ taċ-ċikkulata u t-tgeżwir tad-deheb irregolari tagħha bħala l-attentat ta’ Ferrero biex ixebbaħħa ma’ din il-formazzjoni tal-blat f’Lourdes, li kellha tifsira speċjali għaċ-ċikkulata.

Iċ-ċikkulata Ferrero Rocher. Ritratt: Jacek Halicki/Wikimedia Commons

Fil-50 anniversarju mit-twaqqif tal-kumpanija, Ferrero qal: “Bis-suċċess ta’ Ferrero nirrispettaw lill-Madonna ta’ Lourdes; mingħajrha ftit nistgħu nagħmlu.”

F’intervista ma’ ACI Prensa, fl-2023, Patri Mauricio Elias, kappillan fis-Santwarju ta’ Lourdes, qal: “Is-Sur Ferrero kellu ħafna devozzjoni lejn il-Verġni ta’ Lourdes; ġie ħafna hawnhekk u kien benefattur.

“Kien bniedem li kellu ħafna devozzjoni lejn il-Verġni, u kien jgħix ħajja Nisranija,” żied Patri Elias.

Intqal li Ferrero kien jagħmel pellegrinaġġi annwali għal Lourdes u organizza ukoll żjarat għall-impjegati tiegħu. Kellu ukoll statwa tal-Verġni Marija f’kull waħda mill-14-il faċilità ta’ produzzjoni tal-kumpanija tiegħu madwar id-dinja.

Michele Ferrero. Ritratt: Wikimedia Commons

Ferrero miet fl-14 ta’ Frar, 2015, fl-età ta’ 89 sena. Ftit qabel mewtu, għargħar kbir għamel ħsara lis-santwarju ta’ Lourdes. Ferrero wiegħed “donazzjoni kbira biex jirkupra dak li ntilef,” qal Patri Elias. Wara mewtu, uliedu żammew il-​wegħda taʼ missierhom u għenu fit-​tiswijiet.

In-negozju mmexxi mill-familja jkompli bit-tradizzjoni tiegħu bit-tifel ta’ Michele, Giovanni Ferrero, li jmexxi l-kumpanija llum. Imwaqqfa fl-1946 f’Alba, l-Italja, minn Pietro Ferrero, missier Michele, illum Ferrero Rocher huwa t-tielet l-akbar produttur taċ-ċikkulata fid-dinja. Mit-tnedija tagħha f’pajjiżi Ewropej oħra fl-1982, il-kumpanija espandiet biex tinkludi ditti oħra bħal Nutella, Tic Tac, u Kinder, fost oħrajn.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA