It-Tnejn, 13 ta’ Ottubru kienet ġurnata storika għas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għax propju dak in-nhar ġie ordnat saċerdot l-ewwel membru tas-Soċjetà mill-Vjetnam.

Peter Can Tran, li ilu fil-formazzjoni fi ħdan din l-istess Soċjetà għal dawn l-aħħar 10 snin, ġie ordnat saċerdot fil-parroċċa tiegħu mill-isqof awżiljarju tad-djoċesi ta’ Vinh, Mons. Pierre Nguyễn Văn Viên, fil-preżenza tas-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà, Fr Martin Galea, is-Superjur Reġjonali tal-Filippini u l-Vjetnam, Fr Hector Attard, u diversi membri u lajċi MSSP mill-Filippini, Awstralja u l-Vjetnam.

“L-istorja ta’ kif Fr Can ltaqa’ mas-Soċjetà hija interessanti ħafna,” qal Fr Martin f’kumment lil tbissima.mt.
“Fr Can ġej minn familja ta’ għaxar aħwa u propju wieħed minn ħutu, li jismu Minh, kien diġà wera x-xewqa li jsir saċerdot. Kien ingħaqad ma’ seminarju ġewwa Melbourne, l-Awstralja, u waqt id-djakonat tiegħu kien qed iservi ġewwa parroċċa li hija mmexxija mill-MSSP. Hemmhekk Fr Minh qasam mal-membri MSSP li għandu ħuħ, Can, li għandu x-xewqa li jsir missjunarju.

“Il-membri MSSP iddeċidew li jistiednu lil Can biex jagħmel esperjenza mas-Soċjetà ġewwa l-Filippini. Can aċċetta din l-istedina u b’ħafna fidi f’Alla ġie jiltaqa’ mal-komunità tagħna, mingħajr ma kien jaf kelma waħda bl-Ingliż. Minn hemmhekk bdiet mixja li wasslet lil Can għall-mument li qed niċċelebraw f’dawn il-jiem.”

Mhux hekk biss, jgħid Fr Martin, imma permezz ta’ dan l-ewwel pass infetaħ bieb li minnu ngħaqdu mas-Soċjetà diversi membri oħra mill-Vjetnam li qegħdin fi stadji differenti ta’ formazzjoni.
“Bħalissa għandna tliet membri mill-Vjetnam li qed jistudjaw it-teoloġija u ieħor li qed jistudja l-filosofija, b’oħrajn li qegħdin fl-istadju tal-Prenovizzjat,” spjega.



Iċ-ċelebrazzjoni li għexet is- Soċjetà f’dawn l-aħħar jiem kompliet tikkonferma s-sbuħija tal-Knisja ġewwa l-Vjetnam. Għalkemm il-Kattoliċi ġewwa l-Vjetnam huma biss madwar 7%, huma jiffurmaw komunità b’saħħitha u ferventi fil-fidi, kif jixhdu l-knejjes sbieħ li bnew, il-parteċipazzjoni attiva ta’ ħafna lajċi fil-ħajja tal-Knisja u n-numru sabiħ ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.


Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex ikompli jbierek lis-Soċjetà tagħna b’diversi vokazzjonijiet minn dan il-pajjiż filwaqt li nitolbuh jipproteġi lil dawk kollha li diġà huma parti mill-familja tagħna, speċjalment lil ħuna Fr Can.