Din il-ġimgħa kienet ġimgħa verament speċjali għall-familja MSSP. It-Tnejn li għadda is-Soċjetà assistiet ġewwa l-Vjetnam għall-ordinazzjoni tal-ewwel membru ta’ dan il-pajjiż, filwaqt li s-Sibt, 18 ta’ Ottubru, assistiet għall-ordinazzjoni tal-ewwel membru mill-Filippini.
Is-sena l-oħra, il-komunità MSSP fil-Filippini ċċelebrat 25 sena mill-preżenza tagħha f’dan il-pajjiż. Kienet ċelebrazzjoni indimentikabbli li l-qofol tagħha kienet l-Ewkaristija ġewwa l-Katidral ta’ Cubao, Quezon City, ippreseduta mill-Kardinal Mario Grech, ħabib antik tal-komunità MSSP. F’dik l-istess sena, is-Soċjetà ċċelebrat l-Professjoni Perpetwa tal-ewwel żewġ membri mill-Filippini, Bro. Bryan Avila u Bro. Marco Cabatuando.
“Bro. Bryan ħass li s-sejħa tiegħu hi li jkun ‘lay brother’ fi ħdan is-Soċjetà,” spega Fr Martin Galea, Superjur Ġenerali tal-MSSP.

“Dan għalina hu ta’ ferħ kbir għax kien ilu ħafna ma jkollna lil xi ħadd li jħoss li din hi s-sejħa tiegħu. Il-‘lay brothers’ fis-Soċjetà tagħna minn dejjem kellhom rwol importanti, speċjalment meta niftakru li l-Fundatur tagħna, Mons. Ġużeppi De Piro, kien bagħat lil ‘lay brother’, Fra Ġużepp Caruana, bħala l-ewwel missjunarju tas-Soċjetà.”

Mill-banda l-oħra, Bro. Marco ħass li s-sejħa tiegħu hi għas-saċerdozju, u kien proprju dan li ċċelebrat is-Soċjetà f’dawn l-aħħar jiem.
L-ordinazzjoni saret f’parroċċa qrib ħafna ta’ fejn trabba Bro. Marco, ippreseduta mill-Isqof Dennis C. Villarojo, Isqof ta’ Malolos, fil-preżenza tas-Superjur Ġenerali, Fr Martin, is-Superjur Reġjonali, Fr Hector Attard, u diversi membri u lajċi MSSP.

“Fr Marco ilu jaf lis-Soċjetà tagħna għal diversi snin,” kompla Fr Martin. “Huwa ltaqa’ mal-komunità tagħna fl-università fejn kien qed jistudja, il-Polytechnic University of the Philippines.”

Kważi sa mill-bidu tal-preżenza tagħna fil-Filippini sal-lum, il-membri tal-MSSP kienu inkarigati mill-ħidma pastorali fi ħdan din l-università, li għandha popolazzjoni ta’ madwar 35,000 student. Marco kien sar midħla ta’ din il-ħidma pastorali u involva ruħu fiha, b’tali mod li minn hemm nibtet is-sejħa li wasslitu sal-lum.


“Ċertament, kif qal tajjeb ħafna hu fir-ringrazzjament tiegħu fl-aħħar taċ-ċelebrazzjoni, dan mhux biss hu tmiem ta’ vjaġġ imma bidu ta’ vjaġġ ieħor fejn għandu bżonn iktar minn qatt qabel it-talb tagħna,” aċċenna Fr Matrin.
“Inkomplu wkoll nitolbu biex il-Mulej ikompli jżejjen lis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl b’aktar vokazzjonijiet qaddisa minn dan il-pajjiż.”
