Oħloq Tbissima 2025: X’inhu l-iskop tal-ħidma missjunarja?

tbissima.mt

Il-ħidma missjunarja għandha importanza fundamentali fil-Knisja Kattolika għax tirrifletti l-qalba tal-missjoni ta’ Ġesù Kristu: li jwassal il-Bxara t-Tajba lil kulħadd, mingħajr distinzjoni ta’ razza, kultura jew nazzjonalità. Ġesù nnifsu qal: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Din hi ċ-ċavetta li tiftaħ il-bibien tal-vokazzjoni missjunarja fil-Knisja.

Ix-xandir tal-Evanġelju ma tfissirx biss li wieħed jgħallem id-duttrina jew jipprova jikkonverti lin-nies. Il-ħidma missjunarja hi att ta’ mħabba profonda li tfittex li taqsam il-ferħ tal-fidi u l-laqgħa personali ma’ Kristu. Din il-ħidma titlob dedikazzjoni, sagrifiċċju u sens qawwi ta’ solidarjetà umana u spiritwali.

Ritratt: CPI Media

Eżempju ċar u ħaj ta’ din il-missjoni huwa dak tas-Socjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), li twaqqfet f’Malta fl-1910 mill-qassis Mons. Ġużeppi De Piro. Il-membri tal-MSSP ħadu l-missjoni ta’ San Pawl bħala ispirazzjoni u ddedikaw ħajjithom biex iwasslu l-Kelma t’Alla lil pajjiżi barra minn xtutna. Illum, il-missjunarji tal-MSSP jinsabu f’diversi partijiet tad-dinja, fosthom fil-Perù, il-Filippini u l-Pakistan. Barra min hekk, is-Socjetà, flimkien ma’ għadd ta’ staff professjonali u dedikat, imexxu d-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, Malta, li hija d-dar ta’ għadd ta’ subien li għal diversi raġunijiet ma jistgħux jgħixu mal-familja naturali tagħhom.

Ritratt: CPI Media

Ix-xogħol tal-MSSP jinkludi mhux biss il-predikazzjoni u l-ħidma pastorali, imma wkoll l-edukazzjoni, il-formazzjoni spiritwali u l-għajnuna lill-fqar u l-magħkusin. Il-preżenza tagħhom tfisser tama ġdida għal komunitajiet li spiss ikunu fil-marġni tas-soċjetà. L-istess f’Malta, is-Soċjetà tkompli taħdem biex tiżra l-ispirtu missjunarju fost iż-żgħażagħ u l-komunitajiet Kattoliċi.

Ritratt: CPI Media

Il-ħidma missjunarja m’ijiex riservata biss għal dawk li jitilqu lejn pajjiżi imbiegħda. Kull Nisrani hu msejjaħ biex ikun missjunarju fil-ħajja ta’ kuljum – fid-dar, fuq il-post tax-xogħol u fil-komunità. Nistgħu nkunu xhieda tal-fidi tagħna permezz tal-kelma, imma aktar u aktar bl-eżempju tagħna.

Ritratt: CPI Media

Il-Knisja tibqa’ tgħix u tikber permezz tal-ħidma missjunarja. Hija vokazzjoni għall-ġenerazzjonijiet kollha u li tibqa’ essenzjali biex il-fidi Kattolika tilħaq qalb kull bniedem. F’dan, is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl tibqa’ xempju qawwi ta’ fedeltà lejn il-kmand ta’ Kristu u lejn il-bżonnijiet spiritwali tad-dinja moderna.

Fir-ritratt: Missjoni MSSP fil-Pakistan fis-snin bikrin tagħha. Ritratt: Wikimedia Commons

LURA GĦALL-FAĊĊATA