Diego López Marina via EWTN News
Id-Djoċesi ta’ Myitkyina, fit-Tramuntana tal-Myanmar, żvelat l-ewwel statwa tal-pajjiż ta’ San Karlu Acutis, maħluqa biex tiggwida liż-żgħażagħ li jikbru f’nofs kunflitt armat, spostament furzat, u koskrizzjoni militari, irrappurtat UCA News.
Iċ-ċerimonja saret fil-Katidral ta’ San Kolombanu fil-kapitali tal-Istat ta’ Kachin u kienet ippreseduta mill-Isqof ta’ Myitkyina, Mons. John Mung-ngawn La Sam, li bierek ix-xbieha tal-qaddis Taljan żagħżugħ quddiem mijiet ta’ fidili.
“L-għan tal-installazzjoni ta’ din l-istatwa huwa li tgħin liż-żgħażagħ jitgħallmu kif jagħtu xhieda tal-fidi f’ħajjithom,” spjega Fr. John Aung Htoi, saċerdot tad-djoċesi, ikkwotat minn UCA News .
“L-eżempju ta’ Carlo Acutis juri li ż-żgħażagħ fil-Myanmar jistgħu jgħixu l-fidi tagħhom anke permezz tal-użu responsabbli tal-internet u l-midja soċjali,” żied jgħid.
L-avveniment ikkoinċida wkoll mal-għaxar anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tal-Isqof La Sam, ta’ 53 sena, kif ukoll mal-ewwel anniversarju tiegħu bħala kap tad-djoċesi.

San Karlu Acutis, li miet fl-età ta’ 15-il sena bil-lewkimja, huwa magħruf għad-devozzjoni profonda tiegħu lejn l-Ewkaristija u għall-użu tal-midja diġitali biex jevanġelizza. Imsejjaħ popolarment l-“influencer ta’ Alla,” huwa ħoloq websajt iddedikata għad-dokumentazzjoni tal-mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja. Huwa ġie beatifikat mill-Papa Franġisku fl-2020 u kkanonizzat mill-Papa Ljun XIV fl-2025.
Għal Dun Htoi, il-figura tal-qaddis żagħżugħ hija sinifikanti fil-kuntest attwali tal-Myanmar. “Iż-żgħażagħ jiffaċċjaw bosta theddid soċjali u morali, bħad-drogi, il-vjolenza, it-tifrik tal-familji, il-kriminalità, u l-użu ħażin tal-midja soċjali, kollox f’kuntest ta’ nuqqas ta’ protezzjoni legali. B’riżultat ta’ dan, ħafna jħossuhom jibżgħu u jfittxu punti ta’ referenza, bħat-tagħlim tal-Knisja,” stqarr.
Il-Myanmar ilu mdaħħal fi gwerra ċivili minn mindu seħħ il-kolp ta’ stat militari ta’ Frar 2021 li neħħa l-gvern elett. Minn dakinhar, gruppi armati etniċi u forzi favur id-demokrazija rreżistew il-ġunta militari, li, skont diversi stimi, tikkontrolla biss madwar nofs il-pajjiż. Rapporti tan-Nazzjonijiet Uniti jindikaw li l-kunflitt irriżulta f’eluf ta’ mwiet u l-ispostament ta’ miljuni ta’ nies.
“Il-futur tal-pajjiż jiddependi ħafna fuq iż-żgħażagħ tiegħu, iżda dawn jeħtieġu appoġġ u gwida,” enfasizza Dun Htoi. F’ħafna żoni milquta mill-vjolenza, żied jgħid, iż-żgħażagħ huma bla dar, orfni, jew m’għandhomx appoġġ mill-familja.
Bi tweġiba għal din ir-realtà, l-Arċidjoċesi ta’ Mandalay stabbilixxiet iċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Don Bosco fl-2014, li bħalissa jakkomoda madwar 60 żagħżugħ u żagħżugħa vulnerabbli, skont dejta miġbura minn UCA News. Iċ-ċentru jipprovdi akkomodazzjoni, ikel, edukazzjoni, kura medika, u taħriġ vokazzjonali, kif ukoll attivitajiet sportivi, mużikali, u kulturali.
Is-sitwazzjoni għaż-żgħażagħ marret għall-agħar minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-lieva tal-2024, u wasslet għall-ingaġġ furzat ta’ madwar 60,000 żagħżugħ u żagħżugħa mibgħuta f’żoni ta’ ġlied, filwaqt li kważi 100,000 oħra ġew sfurzati jinħbew jew jaħarbu mill-pajjiż, l-aktar lejn it-Tajlandja, skont rapporti kkwotati mill-midja Asjatika.
Ritratt: L-Isqof John La Sam ta’ Myitkyina jbierek statwa ta’ Carlo Acutis fil-Katidral ta’ San Kolombanu fl-Istat ta’ Kachin. Kreditu tar-ritratt: Djoċesi ta’ Myitkyina