Il-Papa Franġisku jgħid li huwa aktar imħasseb dwar l-intelliġenza umana milli l-AI

Courtney Mares via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku qal it-Tnejn, 27 ta’ Jannar li huwa aktar imħasseb dwar l-iżvilupp tal-intelliġenza umana milli l-intelliġenza artifiċjali.

Waqt li tkellem mal-professjonisti tal-komunikazzjoni tal-Knisja fis-Sala Klementina tal-Palazz Appostoliku, il-Papa ta’ 88 sena enfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ iċċentrat fuq il-bniedem għall-komunikazzjoni, speċjalment fit-tixrid tal-Vanġelu.

Franġisku rrifletta fuq il-kunċett ta’ “netwerking”, billi fakkar lura lejn ix-xbihat bibliċi tax-xbieki tas-sajjieda u s-sejħa ta’ Ġesù lil Pietru biex “jsir sajjied tal-bnedmin.” Hu qal li biex twieġeb għall-​istedina taʼ Ġesù teħtieġ “ħiliet, għarfien, u riżorsi” biex tinbena netwerk li jistaʼ jipprovdi informazzjoni li teħles lin-​nies mill-​“baħar taʼ disprament u diżinformazzjoni.”

“Ejjew naħsbu kemm nistgħu nwettqu flimkien – grazzi għall-għodod ġodda tal-era diġitali u għall-intelliġenza artifiċjali – jekk minflok ma nbiddlu t-teknoloġija f’idolu, konna aktar impenjati għan-netwerking,” qal il-Papa.

Il-Papa Franġisku jsellem viżitatur f’laqgħa ma’ uffiċjali tal-komunikazzjoni tal-Knisja fil-Vatikan, it-Tnejn, 27 ta’ Jannar, 2025. Kreditu: Vatican Media
Il-Papa Franġisku jsellem viżitatur f’laqgħa ma’ uffiċjali tal-komunikazzjoni tal-Knisja fil-Vatikan, it-Tnejn, 27 ta’ Jannar, 2025. Kreditu: Vatican Media

“Dak li jinkwetani – aktar minn intelliġenza artifiċjali – hija l-intelliġenza naturali, l-intelliġenza li rridu niżviluppaw,” qal.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-komunikaturi biex jeżaminaw il-metodi u l-motivazzjonijiet tagħhom, u wissa biex ma jiġu seduċiti mit-tentazzjonijiet tal-“awto-promozzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-inizjattivi tagħna stess”. Saħaq ukoll fuq l-importanza li titrawwem it-tama f’dinja spiss immarkata minn disperazzjoni u firda.

“Ejja nistaqsu lilna nfusna: X’nagħmlu biex niżirgħu t-tama f’nofs id-disprament kollu li jdawwarna u jisfidana? X’nagħmlu biex negħlbu l-virus tad-diviżjoni li jimmina l-komunitajiet tagħna? Il-komunikazzjoni tagħna hija ispirata mit-talb? Jew nillimitaw lilna nfusna biex nikkomunikaw dwar il-Knisja billi sempliċement insegwu r-regoli stabbiliti mill-marketing korporattiv?”

Il-Papa Franġisku appella lill-komunikaturi biex juru “li t-tama mhix illużjoni” u biex jippromwovu l-maħfra.

“Il-​komunikazzjoni Kristjana hija dwar li turi li s-​saltna t’Alla hija qrib. Huwa preżenti hawn u issa, bħal miraklu li jista’ jesperjenza kull persuna u kull kultura,” qal.

“Il-komunikazzjoni, għalina, mhix tattika. Mhijiex teknika. Mhijiex ir-ripetizzjoni ta’ catchphrases jew slogans,” żied jgħid. “Il-komunikazzjoni hija att ta’ mħabba. Att ta’ mħabba altruista biss jista’ jipproduċi netwerks ta’ tjubija.”

Il-Papa Franġisku hu mgħannaq minn viżitatur waqt laqgħa ma’ uffiċjali tal-komunikazzjoni tal-Knisja fil-Vatikan, it-Tnejn, 27 ta’ Jannar, 2025. Kreditu: Vatican Media
Il-Papa Franġisku hu mgħannaq minn viżitatur waqt laqgħa ma’ uffiċjali tal-komunikazzjoni tal-Knisja fil-Vatikan, it-Tnejn, 27 ta’ Jannar, 2025. Kreditu: Vatican Media

Il-laqgħa segwiet il-konklużjoni tal-Ġublew tad-Dinja tal-Komunikazzjoni tal-Knisja Kattolika, li ġibed aktar minn 10,000 parteċipant minn 138 pajjiż, skont Vatican News.

Il-Papa Franġisku fakkar lill-udjenza li l-komunikazzjoni Kattolika hija xi ħaġa li trid testendi lil hinn mill-konfini tal-Knisja.

“Il-komunikazzjoni Kattolika mhix xi ħaġa iżolata; mhux għall-Kattoliċi biss. Mhijiex żona magħluqa fejn nistgħu nżommu għalina nfusna, setta fejn nistgħu nitkellmu ma’ xulxin,” qal. “Hu l-ispazju miftuħ ta’ xhud ħaj li jaf jisma’ u jinterpreta s-sinjali tas-saltna.”

“Illum il-Mulej spiss iħabbat minn ġewwa għax irid li aħna, bħala Nsara, noħorġuh barra. Wisq drabi aħna nżommu lill-Mulej għalina nfusna. Irridu nħallu lill-Mulej barra — qed iħabbat il-bieb biex jinħareġ — u mhux inżommuh kemmxejn ‘skjav’ għall-iskopijiet proprji. … Imxi ‘l quddiem bil-kuraġġ u bil-ferħ li jiġi mill-evanġelizzazzjoni.”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors

LURA GĦALL-FAĊĊATA