Wara 57 sena fil-Perù, Fr George Scerri MSSP lura Malta

Wara 57 sena jaqdi l-missjoni fil-Perù, Fr George Scerri MSSP reġa’ lura Malta – ritorn li jagħlaq kapitlu twil ta’ servizz missjunarju fost il-foqra u l-komunitajiet l-aktar imbiegħda. Għal nofs seklu u aktar, ħajtu kienet marbuta mal-poplu ta’ Aplao u La Tomilla, fejn ħalla marka spiritwali u soċjali li tibqa’.

Meta wasal il-Perù fl-1969, sab realtà iebsa. F’ittra li kiteb snin wara, ftakar: “Kien diffiċli ħafna fil-bidu. Ma kienx hemm elettriku, ma kienx hemm ilma ġieri u lanqas biżżejjed ikel.” Iż-żona fejn beda jaħdem kienet muntanjuża u remota, popolata minn nies li kienu jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli ħafna. Iżda hu u sħabu, mimlijin żelu missjunarju, ma qatgħux qalbhom. Integra ruħu mal-kultura lokali u beda jorganizza l-parroċċa b’viżjoni ċara: li jibni komunità ħajja u responsabbli.

Fr George Scerri MSSP

Tul it-28 sena li qatta’ f’Aplao, Fr George kien strumentali biex jiddaħħal is-servizz tal-elettriku permezz tal-bini ta’ diga, inizjattiva li bidlet il-ħajja tal-komunità. Bl-għajnuna ta’ benefatturi Maltin infetħu kċejjen komuni għall-familji fil-bżonn, twaqqfu kliniki għall-foqra u nbnew skejjel mit-tfulija sal-iskola sekondarja. F’ħafna rħula fejn ma kien hemm l-ebda knisja, inbnew kappelli ġodda biex il-poplu jkun jista’ jiċċelebra l-fidi tiegħu.

Wara, intbagħat La Tomilla fejn bena l-kumpless parrokkjali Ave Maria. Meta terremot qawwi fl-2001 ġarraf il-knisja ta’ Aplao, reġa’ ntbagħat hemm biex jibni mill-ġdid il-knisja u strutturi oħra, fosthom dar parrokkjali u kmamar għall-katekizmu. Il-ħidma tiegħu kienet dejjem taħlita ta’ pastorali u azzjoni konkreta favur id-dinjità tal-bniedem.

F’intervista li għamiltlu Marthese Brincat fuq tbissima.mt, deher car il-ferħ u l-paċi li l-Mulej żejjen ħajtu bihom. Ara l-intervista sħiħa hawnhekk: https://tbissima.mt/episode/2948

Imwieled Ħad-Dingli f’familja ta’ bdiewa u t-tieni minn ħdax-il wild, Fr George ħa l-edukazzjoni primarja fir-raħal u kompla fil-Kulleġġ San Albert. Qabel daħal mal-MSSP kien jaħdem it-tarzna, fejn nibtet fih il-vokazzjoni missjunarja. Ġie ordnat saċerdot fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u beda l-ministeru tiegħu fid-Dar ta’ San Ġużepp qabel telaq lejn il-Perù.

Illum, lura Malta, iġib miegħu storja ta’ fidi li saret azzjoni u ta’ ġenerożità Maltija li ħalliet frott lil hinn minn xtutna. Minkejja l-età sabiħa tiegħu, jibqa’ lest jagħti sehmu fl-għalqa tal-Mulej. Fr George iġib miegħu mhux biss memorji, imma storja ta’ komunitajiet mibnija fil-fidi u fid-dinjità. U minkejja li kapitlu jagħlaq, l-ispirtu missjunarju tiegħu jibqa’ ħaj.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni lill-MSSP biex tkompli l-ħidma missjunarja tagħha fil-Perù u f’pajjiżi oħra, żur is-sit: ohloqtbissima.com/ u agħti s-sehem tiegħek biex tkompli tinbena tama ġdida fil-ħajja ta’ tant nies.

LURA GĦALL-FAĊĊATA