Titħabbar il-mewt ta’ Fr Joseph Barbara MSSP fl-età ta’ 82 sena

Aġġornament: Il-funeral ta’ Fr Joseph Barbara MSSP, bil-Quddiesa praesente cadavere, se jsir fil-Kappella ta’ Sant’ Agata, ir-Rabat nhar il-Ħamis 19 ta’ Frar fl-4pm.

B’sens ta’ niket iżda mimlijin bit-tama tal-Qawmien, tħabbret il-mewt ta’ Fr Joseph Barbara MSSP fl-età ta’ 82 sena. Huwa miet fl-Isptar Mater Dei ftit wara li rċieva s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda fid-Dar Omm tas-Soċjetà, f’St Agatha’s Motherhouse fejn kien jgħix.

Imwieled u mrobbi r-Rabat, Fr Joe kien Rabti Ġużeppin u membru fi ħdan l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp. Sa minn ċkunitu trabba taħt id-dell tal-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, tas-Santwarju ta’ San Ġużepp u tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam – ambjent li żera’ fih imħabba kbira lejn San Ġużepp u lejn il-ħajja tal-Knisja. Sa kemm saħħtu kienet tippermetti, kien jieħu sehem b’mod regolari fiċ-ċelebrazzjonijiet organizzati mill-Arċikonfraternità, b’mod partikulari waqt il-jiem tal-Festa ta’ San Ġużepp li tant kienet għal qalbu.

Fr Joe ingħaqad mas-Socjetà Missjunarja ta’ San Pawl minn età żgħira, u ġie ordnat saċerdot fl-1967, tliet xhur qabel ma għalaq l-24 sena. L-ewwel snin tal-ministeru tiegħu qagħadhom f’Malta fejn għallem fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl u serva wkoll għal żmien bħala Superjur.

Aktar ’il quddiem, il-missjoni tiegħu wasslitu barra minn xtutna. Huwa qeda b’żelu pastorali fil-Kanada u fl-Awstralja, fejn ta sehmu fil-ħidma missjunarja u fil-formazzjoni spiritwali tal-komunitajiet fdati f’idejh. Wara snin ta’ servizz barra minn Malta, irritorna lura lejn pajjiżu fejn għex il-bqija ta’ ħajtu fid-dar tas-Soċjetà.

Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u r-Rettur u l-Uffiċjali tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp sellmu l-memorja ta’ Fr Joe Barbara, u filwaqt li jitolbu biex il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem, bagħtu l-kondoljanzi tagħhom lill-ħutu r-reliġjużi fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl kif ukoll lill-membri tal-familja tiegħu.

Il-funeral tiegħu jitħabbar aktar ’il quddiem.

LURA GĦALL-FAĊĊATA