Talba lill-Madonna għall-ħarsien tal-familja

L-invokazzjoni “Sultana tal-Familji” hija titlu relattivament ġdid u toħroġ b’mod naturali mill-fatt li Marija hija Omm il-Knisja.

Kien il-Papa Ġwanni Pawlu II li daħħal din l-invokazzjoni ġdida fil-Litanija tal-Verġni Mbierka fil-31 ta’ Diċembru 1995 waqt is-Sagra Kongregazzjoni għall-Qima Divina.

Il-familja hija meqjusa bħala ‘knisja domestika’ peress li hija hemmhekk li ż-żerriegħa tal-fidi li titħawwel fis-Sagrament tal-Magħmudija titrawwem u tiffjorixxi bit-tagħlim u l-eżempju tajjeb tal-ġenituri u l-membri tad-dar.

Il-familja hija l-iżgħar ċellola tal-knisja li tibni l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. Huwa fil-familja li nsibu l-ewwel skola tat-talb u l-virtujiet morali u soċjali li jiffurmaw il-bażi għas-soċjetà. Il-familja hija l-post li jibni d-dinja billi jħares u jittrasmetti virtujiet u valuri minn ġenitur għal wild b’dak li jiġi mgħallem u mgħix.

The Holy Family of Francis I ta’ Raffaello. Ritratt: Wikimedia Commons

Talba lill-Madonna għall-ħarsien tal-familja

Marija Ommna Sultana tal-familja,
nixtiequ nafdawlek il-futur li qed
jistenniena, u nitolbuk tibqa’
dejjem magħna.

Dan huwa żmien straordinarju,
li fih progress teknoloġiku u
kontradizzjonijiet kbar.
Għandna f’idejna mezzi li jistgħu jbiddlu
saħansitra l-proċessi ewlenin tan-natura.
Illum ninsabu f’salib it-toroq u nistgħu
naqgħu fl-egoiżmu u l-kburija fiergħa.

Nafu li m’hemmx salvazzjoni
jekk mhux fi ħdan Ibnek Ġesù,
li fih irridu nintelqu,
biex nagħmlu dak li jgħidilna Hu.

Omm l-aktar Qaddisa,
nixtiequ neħduk magħna f’darna,
bħalma għamel Ġwanni l-appostlu.
Nixtiequk tItlob lil Ibnek Ġesù
jfawwarna bil-milja tal-Ispirtu s-Santu,
għajn ta’ kull ħajja.

Lilek Marija nafdaw il-familji kollha tagħna.
Idħol għalina sabiex għemilna u kliemna jkunu dejjem,
ta’ glorja u tifħir lil Alla,
il-Ħallieq tal-Ħajja u l-Imħabba.

Ammen

LURA GĦALL-FAĊĊATA