Kulħadd fuq ix-xwiek biex isir jaf meta se jiġi kanonizzat Carlo Acutis

Almudena Martínez-Bordiú via Catholic News Agency

Meta se jiġi kanonizzat Carlo Acutis? Din hija l-mistoqsija li qed jistaqsu l-Kattoliċi wara li ċ-ċerimonja skedata għas-27 ta’ April ġiet posposta minħabba l-mewt tal-Papa Franġisku.

Il-millennial żagħżugħ, li sofra mil-lewkimja u li ħajtu u l-imħabba tal-għaġeb tiegħu għall-Knisja Kattolika qanqlu interess madwar id-dinja, miet fit-12 ta’ Ottubru 2006, u ndifen f’Assisi, skont ix-xewqat tiegħu, minħabba l-ammirazzjoni tiegħu għal San Franġisk.

Acutis ġie ddikjarat venerabbli fl-2018 u mbierek fl-10 ta’ Ottubru 2020. Fit-23 ta’ Mejju 2024, il-Papa Franġisku witta t-triq biex iż-żagħżugħ jiġi elevat għall-qdusija wara li approva t-tieni miraklu attribwit għall-interċessjoni tiegħu.

Carlo Acutis f’ritratt tal-fajl mingħajr data. Ritratt bil-kortesija ta’ Nicola Gori.

L-avveniment xjentifikament inspjegabbli li allegatament seħħ bl-intervent ta’ Acutis kien jikkonċerna mara ta’ 21 sena mill-Kosta Rika, Valeria Valverde, li mirakolożament salva minn inċident serju bir-rota li ħallieha fuq xifer il-mewt b’ferita gravi f’rasha.

F’Lulju li għadda, il-Papa Franġisku sejjaħ konsistorju pubbliku ordinarju biex jikkonferma diversi kawżi għall-kanonizzazzjoni. Din iċ-ċerimonja ddeterminat il-pass finali tal-proċess ta’ kanonizzazzjoni permezz ta’ vot. Minbarra Acutis, ġew approvati wkoll il-kanonizzazzjonijiet tal-Beati Giuseppe Allamano, Marie-Léonie Paradis, u Elena Guerra.

Madankollu, għalkemm il-konsistorju approva l-kanonizzazzjoni ta’ Acutis, il-pontifex ma ddeterminax id-data eżatta li fiha kellu jiġi pproklamat qaddis.

It-tħabbira tant mistennija waslet ftit xhur wara, f’Novembru li għadda, meta l-Papa Franġisku indika fi tmiem udjenza ġenerali li ż-żagħżugħ magħruf bħala “l-influencer ta’ Alla” se jiġi elevat għall-artali fis-27 ta’ April 2025, li jikkoinċidi mal-Ġublew tal-Adoloxxenti.

L-aħbar intlaqgħet b’entużjażmu kbir mill-fidili — u speċjalment mill-adolexxenti minn madwar id-dinja, li għexieren ta’ eluf minnhom għamlu pjanijiet biex jivvjaġġaw lejn Ruma biex ikunu parti minn dan l-avveniment storiku. Madankollu, iċ-ċerimonja kellha tiġi posposta wara l-mewt tal-Papa Franġisku fil-21 ta’ April.

Issa, wara t-triq imfassla minn Franġisku, il-Papa Ljun XIV sejjaħ l-ewwel konsistorju tiegħu għat-13 ta’ Ġunju biex jikkonferma l-kanonizzazzjoni ta’ tmien beati li l-proċessi tagħhom inbdew mill-predeċessur tiegħu. Madankollu, l-isem ta’ Acutis mhuwiex inkluż fil-lista uffiċjali tal-beati.

Id-data ma tiġix votata: Il-Papa jħabbarha

Meta mistoqsi dwar ir-raġunijiet għaliex Acutis mhuwiex fost dawn l-ismijiet, Monsinjur Alberto Royo, promotur tal-fidi fid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin, spjega lil ACI Prensa, is-sieħeb tal-aħbarijiet bl-Ispanjol tas-CNA, li “l-kanonizzazzjoni tiegħu ġiet approvata fl-aħħar konsistorju [fl-1 ta’ Lulju 2024], għalhekk m’għadux inkluż f’dan.”

F’dan ir-rigward, huwa ċċara li d-data tal-kanonizzazzjoni “mhijiex xi ħaġa li tiġi approvata fil-konsistorju, iżda pjuttost il-Papa normalment iħabbarha f’dik l-okkażjoni, għalkemm mhux neċessarjament,” żied jgħid.

Quddiesa tat-tifkira liturġika tal-Beatu Carlo Acutis, ippreseduta mill-Kardinal Vigarju De Donatis fil-Knisja ta’ Sant’Angela Merici f’Ruma fil-11 ta’ Ottubru, 2021. Kreditu: Daniel Ibañez

“Fil-każ ta’ Carlo Acutis, il-Papa ma ħabbarx id-data fil-konċistorju, u din tħabbret aktar tard mis-Segretarjat tal-Istat,” kompla jgħid.

Għalhekk, Royo rrimarka li fil-konsistorju li jmiss fit-13 ta’ Ġunju, “jista’ jiġri li l-Papa jieħu l-opportunità biex iħabbar id-data l-ġdida tal-kanonizzazzjoni, iżda jista’ jiġri wkoll li ma jħabbarhiex u li jkun is-Segretarjat tal-Istat li jagħmel dan.”

Dwar Pier Giorgio Frassati, il-“muntanjista” żagħżugħ li l-kanonizzazzjoni tiegħu se tiġi ċċelebrata fit-3 ta’ Awwissu, Royo fakkar li l-Papa Franġisku “ħabbar direttament il-kanonizzazzjoni tiegħu qabel ma kien sar il-konsistorju,” u huwa għalhekk li ismu jidher fil-lista tat-13 ta’ Ġunju.

L-uffiċjal tal-Vatikan irrefera għal dan il-ġest bħala waħda mill-“azzjonijiet spontanji” tal-Papa Franġisku li “antiċipaw il-proċess tal-konsistorju, kif ġara wkoll ma’ José Gregorio Hernández,” l-ewwel qaddis Venezwelan. “Wara kollox, kellu l-awtorità li jagħmel dan,” enfasizza.

Fir-ritratt: Tieqa tal-ħġieġ ikkulurit tal-Beatu Carlo Acutis f’San Aldhelm fi Malmesbury, l-Ingilterra. Kreditu: Ritratt bil-kortesija ta’ Father Thomas Kulandaisamy/Catholic Herald

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.

LURA GĦALL-FAĊĊATA