RITRATTI: Żgħażagħ jilqgħu lil Martin Galea u Fr Bernard Falzon fil-Pakistan

Il-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Lahore, fil-Pakistan, laqgħet b’ferħ kbir lis-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), Fr Martin Galea, flimkien ma’ Fr Bernard Falzon waqt żjara pastorali fl-aħħar ta’ Frar li saħħet ir-rabtiet bejn il-missjoni f’Malta u dik fil-Pakistan.

Din il-parroċċa, li hija mmexxija mill-MSSP u tagħmel parti mill-Archdiocese of Lahore, twaqqfet fl-2007 u bdiet b’inqas minn 600 familja. Illum kibret f’komunità ħajja u dinamika li tinkludi seba’ knejjes, fosthom il-knisja parrokkjali prinċipali, u saret ċentru importanti għall-ħidma missjunarja u għall-promozzjoni tal-vokazzjonijiet lokali.

Matul iż-żjara tagħhom, Fr Martin u Fr Bernard iltaqgħu mal-familji tal-parroċċa, maż-żgħażagħ tal-parroċċa u ma’ dawk involuti fil-formazzjoni u fil-ħidma pastorali.

Il-parroċċa hija magħrufa għall-ħidma kontinwa tagħha fil-komunità. L-MSSP, li ilha preżenti fil-Pakistan sa mill-1981, għandha wkoll missjonijiet oħra fosthom fid-djoċesi ta’ Faisalabad, u tibqa’ impenjata fil-formazzjoni u l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali.

Iż-żjara ta’ Fr Martin Galea u Fr Bernard Falzon kienet mument ta’ grazzja u kuraġġ għall-komunità ta’ Lahore, li kompliet tikkonferma r-rabta qawwija bejn il-missjoni Maltija u l-Knisja fil-Pakistan – Knisja żagħżugħa, iżda mimlija tama u dedikazzjoni.

LURA GĦALL-FAĊĊATA