‘Kif tista’ tibqa’ qalbek magħluqa?’ – Fr Victor Livori fuq it-traċedja fil-Perù

Fr Victor Livori MSSP

Ftit tal-jiem ilu, ġewwa Arequipa, fil-Perù, seħħ diżastru naturali kbir ta’ għarar li ħalla disastru u ħsarat serji fuq diversi djar. L-ewwel xita qawwija ġiet fl-20 ta’ Frar u ħalliet fil-parroċċa ta’ fejn qiegħed kappillan iktar min 50 familja milquta. It-tajn mela diversi djar sa iktar minn metru u nofs. Tilfu kulma kellhom u l-anqas biss kellhom fejn jorqdu. Dawn il-familji ġew fil-parroċċa biex jagħddu l-lejl fid-dar tal-irtiri li għandna. L-iktar żoni milquta huma iż-żewg parroċċi li s-Soċjetà Missjuarja ta’ San Pawl għandna f´Arequipa, taħt il-vulkan Chachani.

Il-Ħadd 22 ta’ Frar reġgħet għamlet xita qawwija u ħalliet iktar stragi. Inqata’ d-dawl u l-ilma. Mietu n-nies u ħafna residenti, speċjalment anzjani, tilfu djarhom u jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli ħafna, mingħajr il-bżonnijiet bażiċi ta’ kuljum. Dawn ukoll ġew milqugħa fid-dar tal-irtiri tal-parroċċa.

Il-ġurnal elettroniku Areqipazo jintervista lil Fr Vicror Livori MSSP. Ritratt: facebook.com/arequipazo.pe

It-Tnejn, 23 ta’ Frar mort inwassal membri ta’ familja li riedu jmorru fiż-żona fejn kellhom id-dar u sar id-disastru. Ħarġu ruxmata nies minn diversi bnadi, kollha b’ħarsa ċassa, ilissnu frażi waħda: “Ayudanos Padre, hemos perdido todo” (għina, Father, tlifna kollox). Jinfaqgħu jibku. Jien ngħannaqhom u nibki magħhom. Waqt li qed nikteb dan l-artiklu, u niftakar ix-xena, qed jerġa jinżel d-dmugħ minn għajnejja.

Ħafna donazzjonijiet qed jgħinu lin-nies milquta minn din it-traċedja. Ritratt: Fr Victor Livori MSSP

Għedtilhom issa stess nippreparaw breakfast għall-familji milquta. Kif kont nissilet biex nitla’ mill-wied li ħalla l-għarar, xi ħadd ġibidli l-qmis minn wara. Kien ġurnalist. Għedtlu ħallini ħalli mmur nipprepara xi ħaġa għal dawn n-nies li tilfu kollox. Qalli nitolbok biss ftit minuti. Kull ma għedt biss li ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem tant tbatija. Kull persuna li qed ibgħati huwa Kristu.

Xita qliel ta’ grazzji mis-sema

Kif nista’ ma nemminx li Ġesù huwa ħaj? Dan il-ġurnalist poġġa din l-intervista fuq Facebook. Kienet xrara ta’ nar li splodiet f’xita ta’ donazzjonijiet u għajnuna ta’ kull tip. Fil-parroċċa, sal- ġurnata tal-lum ma waqfux jaslu donazzjonijiet minn kull żona tal-pajjiż u barra.

Il-ġurnal elettroniku Areqipazo jintervista lil Fr Vicror Livori MSSP. Ritratt: Il-ġurnal elettroniku Areqipazo jintervista lil Fr Vicror Livori MSSP. Ritratt: facebook.com/arequipazo.pe

Frott ta’ din l-esperjenza:

– Ingħaqadna iż-żewg parroċċi li ġew affetwati minn dan id-diżastru, u qsamna flimkien id-donazzjonijiet li bdew deħlin
– Fil-kappella iż-żgħira poġġejt li Ġesù Ewkaristija u kull min jiġi jagħti għajnuna daħal fil-kappella biex jitlob u jsellem lil Ġesù Ewkaristija.

Il-Mulej miss il-qlub ta’ diversi nies. Il-parroċċa ingħaqdet biex tghin. Grazzi lill-Mulej li wriena biċ-ċar meta nwettqu r-rieda tiegħu Hu jieħu ħsieb imexxi.

Ir-rekuperazzjoni kompleta ser tieħu ż-żmien. Meta nitkellem man-nies nagħtihom it-tama li Ġesù huwa ħaj, u permezz tal-qalb ġeneruża tal-benefatturi kollox ser jitranġa.

Bħala Maltin, ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem din it-tbatija. Għalhekk permezz ta’ din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi bl-isem: “Kif tista’ tibqa’ qalbek magħluqa?” nittamaw li inkunu nistgħu ngħinu lil dawk il-familji li tilfu kollox u li bħalissa qed jistennew solidarjetà u ħniena.

Nistednukom biex flimkien nuru ġenerożità u solidarjetà Nisranija. Kull donazzjoni, żgħira jew kbira, tista’ tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ dawn il-familji. Ejja nkunu komunità li tirreaġixxi b’imħabba u azzjoni.

Tista’ tagħmel donazzjoni biex tgħin il-missjoni f’Arequipa billi ċċempel ful 5180 2009 għal donazzjoni ta’ €25, 5190 2080 għal donazzjoni ta’ €50, jew Mobile to Mobile Pay 7920 2035

LURA GĦALL-FAĊĊATA