Iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Venezja turi l-arti bħala mezz ta’ laqgħa

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku kellu serje sħiħa ta’ avvenimenti il-Ħadd matul il-vjaġġ tiegħu ta’ ġurnata lejn Venezja, vjaġġ li għaqqad flimkien messaġġ ta’ għaqda u fraternità mal-patrimonju artistiku ta’ belt li kienet post privileġġjat ta’ laqgħa tul is-sekli.

“Il-fidi f’Ġesù, ir-rabta miegħu, ma tagħmilx ħabs mil-libertà tagħna. Anzi, jiftħilna biex nirċievu l-imħabba ta’ Alla, li timmultiplika l-ferħ tagħna, tieħu ħsiebna u ġġib il-frott anke meta l-ħamrija ta’ ħajjitna ssir niexfa,” qal il-Papa lil ’l fuq minn 10,000 pellegrini li nġabru fi Pjazza San Mark.

Waqt li ta l-omelija tiegħu waqt il-Quddiesa fuq it-tema tal-għaqda, wieħed mill-punti ċentrali artikolati f’diversi udjenzi mifruxa matul il-ġurnata, il-Papa Franġisku fakkar lill-insara: “Biex nibqgħu magħqudin ma’ Kristu, nistgħu ndaħħlu l-frott tal-Evanġelju fir-realtà li ngħixu.

“Frott ta’ ġustizzja u paċi, frott ta’ solidarjetà u kura reċiproka, għażliet magħmula bir-reqqa biex preżervar tal-wirt ambjentali u uman tagħna,” kompla l-Papa, bilqiegħda fiċ-ċentru tal-palk fuq siġġu tal-bellus aħmar u liebes b’lampa bajda.

Il-Papa Franġisku jagħti l-omelija tiegħu waqt Quddiesa fi Pjazza San Mark f’Venezja, l-Italja, fit-28 ta’ April. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

Il-Papa Franġisku wasal Venezja kmieni l-Ħadd filgħodu għal vjaġġ ta’ jum għall-wirja prestiġjuża tal-arti tal-Biennale − li qed tiċċelebra s-60 anniversarju tagħha − fejn il-pavaljun tas-Santa Sede, bit-titlu “B’Għajnejja,” jaqbel mat-tema usa’ ta’ din is-sena: “Barranin Kullimkien.”

Iż-żjara tal-Papa għandha ukoll tifsira profonda peress li Franġisku huwa l-ewwel papa li żar il-Biennale − fejn il-Vatikan ilu jkollu b’pavaljun mill-2013.

Il-Papa Franġisku jsellem liż-żgħażagħ miġbura fi Pjazza San Mark waqt iż-żjara tiegħu f’Venezja, l-Italja, fit-28 ta’ April. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

Fl-omelija tiegħu, il-Papa Franġisku rrimarka li r-relazzjoni tagħna ma’ Kristu mhix “statika” iżda stedina biex “nkattru relazzjoni miegħu, nitkellmu miegħu, inħaddnu l-kelma tiegħu u nimxu warajh fit-triq tas-saltna ta’ Alla.”

Il-Papa Franġisku jasal barra l-Bażilika ta’ San Mark f’Venezja, l-Italja, fit-28 ta’ April. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

Franġisku bena fuq dan il-punt biex iħeġġeġ “komunitajiet, distretti u bliet Insara biex isiru postijiet akkoljenti, inklussivi u ospitabbli,” punt li rabat mal-immaġni tal-belt ta’ Venezja bħala “post ta’ laqgħa u skambju kulturali.”

Il-Papa Franġisku osserva li Venezja “hija msejħa biex tkun sinjal ta’ sbuħija disponibbli għal kulħadd u sinjal ta’ fraternità u kura għad-dar komuni tagħna,” kompla l-Papa, filwaqt li enfasizza s-sitwazzjoni dgħajfa ta’ Venezja, Wirt Dinji tal-UNESCO. Sit, li jaffaċċja numru kbir ta’ problemi li jvarjaw minn turiżmu eċċessiv għal sfidi ambjentali bħaż-żieda fil-livell tal-baħar u l-erożjoni.

Il-Papa Franġisku jmejjer waqt li qed jivvjaġġa bid-dgħajsa f’Venezja, l-Italja, għal laqgħa maż-żgħażagħ fil-Bażilica della Madonna della Salute fit-28 ta’ April. Ritratt: Daniel Ibañez/CNA

Wara r-reċita tar-Regina Caeli, il-Papa daħal fil-Bażilika ta’ San Mark biex iqaddes ir-relikwi tal-evanġelista qabel telaq bil-ħelikopter biex jirritorna l-Vatikan waqt li pellegrini u turisti jsellmu mill-art u mill-baħar.

Aktar kmieni filgħodu s-Santu Missier iltaqa’ ma’ priġunieri nisa, staff, u voluntiera fil-Ħabs tan-Nisa ta’ Venezja fil-Gżira ta’ Giudecca, fejn tkellem fuq is-suġġett tad-dinjità umana, u ssuġġerixxi li l-ħabs jista’ “jimmarka l-bidu ta’ xi ħaġa ġdida, permezz tal-iskoperta mill-ġdid tas-sbuħija mhux magħrufa fina u f’oħrajn.”

Il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma’ priġunieri nisa miġbura fil-bitħa intima tal-Ħabs tan-Nisa fil-Gżira ta’ Giudecca f’Venezja, l-Italja, fit-28 ta’ April. Ritratt: Vatican Media

Iż-żjara profondament simbolika kienet segwita minn laqgħa qasira mal-artisti responsabbli mill-pavaljun tas-Santa Sede fil-Biennale.

Is-Santu Missier ivvjaġġa b’vaporetto privat, li jġorr il-bandiera b’żewġ kuluri tal-Belt tal-Vatikan, lejn il-Bażilika barokka tas-seklu 16 ta’ Santa Maria della Salute.

Filwaqt li rriffletta fuq iż-żjara bħala “mument sabiħ ta’ laqgħa,” il-Papa ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex “iqumu mid-dwejjaq u jerfgħu ħarsthom ’l fuq.”

Il-Papa Franġisku jbierek mara waqt il-laqgħa tiegħu ma’ priġunieri nisa miġbura fil-bitħa tal-Ħabs tan-Nisa fil-Gżira ta’ Giudecca qrib Venezja, l-Italja, fit-28 ta’ April 2024. Kreditu: Vatican Media

“Qum biex toqgħod quddiem il-ħajja, mhux biex toqgħod fuq is-sufan. Qum għid, ‘Hawn jien!’ lill-Mulej, li jemmen fina.”

Il-Papa għamel triqtu lejn Pjazza San Mark f’karrettun abjad tal-golf open-top li kellu s-siġill papali, fejn għalaq iż-żjara tiegħu bil-Quddiesa.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA