Il-Perù: Oħloq Tbissima tagħti t-tama lill-familji fqar

Fil-Perù, il-ħajja għall-eluf ta’ familji hi battalja kontinwa biex jgħixu b’dinjità minima. Fiż-żoni remoti u fil-periferiji tal-ibliet, ħafna drabi n-nies jispiċċaw mingħajr dar, xogħol jew saħansitra ikel biex jgħaddu l-ġurnata. Huwa f’dawn l-ambjenti fejn il-Missjunarji Maltin tal-MSSP qed jagħmlu differenza vera grazzi għall-appoġġ ta’ Oħloq Tbissima u l-ġenerożità tal-poplu Malti.

Il-familji fqar fil-Perù, minħabba l-faqar estrem u n-nuqqas ta’ opportunitajiet tax-xogħol, spiss ikollhom iħallu d-djar tagħhom fil-muntanji jew fil-kampanja biex ifittxu futur aħjar fil-bliet. Sfortunatament, ħafna drabi jaslu b’xejn u jridu jibdew kollox mill-bidu. Dan jagħmilha diffiċli għalihom biex jipprovdu l-aktar affarijiet bażiċi: saqaf fuq rashom, edukazzjoni għat-tfal, kura medika, u ikel ta’ kuljum.

L-ewwel patrijiet mill-MSSP fil-missjonu fil-Peru 57 sena ilu.

Hawn jidħlu l-missjunarji, bħal Fr Alex Busuttil mssp, li bi proġetti bżonnjużi qed jgħinu biex itaffu ftit minn dan l-uġigħ. Wieħed mill-aktar proġetti urġenti hu dak tan-nutrizzjoni għat-tfal, fejn qed jipprovdu ikel san u bilanċjat biex jitħarsu mit-theddid tal-anemija u mard ieħor relatat man-nuqqas ta’ nutrizzjoni. Hu stmat li madwar 2,000 tifel u tifla fil-komunitajiet fejn jaħdmu l-MSSP qegħdin ibatu minħabba nuqqas ta’ ikel xieraq.

Il-fondi miġbur minn Oħloq Tbissima jgħinu b’mod dirett f’din il-missjoni ta’ tama u għajnuna. L-edizzjoni tal-2025, li se ssir mill-11 sat-13 ta’ Lulju fuq diversi stazzjonijiet televiżivi, hi stedina għal kulħadd biex il-poplu Malti jingħaqad f’din l-opra ta’ solidarjetà. Kull donazzjoni tagħmel differenza reali u konkreta: tista’ tfisser ikla sħuna għal tifel bil-ġuħ, kura għal omm marida, jew skola għal tifla li l-futur tagħha jiddependi mill-edukazzjoni.

Fr Alex Busuttil

Nappellaw lil kull qalb tajba: agħti l-kontribut tiegħek u ibqa’ segwi l-maratona biex tara kif kull ċenteżmu jissarraf f’tama u ġid. Insejħu wkoll lil kulħadd biex jaqsam il-messaġġ u jħeġġeġ lill-oħrajn jagħmlu l-istess. Ejjew flimkien nagħmlu differenza għal dawn il-familji fil-Perù.

LURA GĦALL-FAĊĊATA