It-tieni jum tal-konklavi: Fi x’ħin se jidher id-duħħan?

Almudena Martínez-Bordiú via Catholic News Agency

Hekk kif jibda l-konklavi, l-għajnejn kollha jduru lejn iċ-ċumnija żgħira fil-quċċata tal-Kappella Sistina. Minn dan it-tubu sempliċi tal-metall se joħroġ id-duħħan abjad tant mistenni li se jħabbar l-elezzjoni tal-Papa l-ġdid.

Duħħan iswed ħareġ miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina l-Erbgħa filgħaxija quddiem għajnejn attenti tal-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru hekk kif l-ewwel jum tal-votazzjoni tal-konklavi ntemm mingħajr pontifi ġdid.

Mill-Ħamis ‘il quddiem, il-kardinali se jkollhom erba’ votazzjonijiet kuljum: tnejn filgħodu u tnejn wara nofsinhar. Kull rawnd ta’ votazzjonijiet ikun segwit minn duħħan miċ-ċumnija, li jkun iswed jekk xorta ma jkunx intlaħaq ftehim, jew abjad jekk ikun ġie elett il-pontifex il-ġdid.

Jekk il-Papa l-ġdid ma jiġix elett fl-ewwel vot ta’ filgħodu, issir it-tieni votazzjoni immedjatament. Iż-żewġ votijiet jinħarqu flimkien, u dan iwassal għal duħħan possibbli għall-ħabta ta’ nofsinhar ħin ta’ Ruma. Madankollu, jekk il-Papa jiġi elett fl-ewwel vot ta’ filgħodu, id-duħħan abjad jidher ftit wara l-10:30 ta’ filgħodu.

L-istess proċess jiġi ripetut wara nofsinhar. Wara pawża qasira, isiru żewġ votazzjonijiet oħra. Jekk l-ebda waħda minnhom ma tkun konklużiva, id-duħħan huwa mistenni għall-ħabta tas-7pm ħin ta’ Ruma. Madankollu, jekk il-Papa jiġi elett fl-ewwel vot ta’ wara nofsinhar, duħħan abjad jidher ftit wara l-5:30pm.

Għalhekk, kemm nhar il-Ħamis kif ukoll il-Ġimgħa, l-osservaturi għandhom joqogħdu attenti għal erba’ ħinijiet possibbli meta d-duħħan jista’ jidher kuljum: tnejn għall-ħabta ta’ nofsinhar u tnejn filgħaxija. 

Id-duħħan jiġi prodott billi tinħaraq il-vot ta’ kull kardinal flimkien ma’ komposti kimiċi li jagħmlu d-duħħan iswed jew abjad. Wara li jidher duħħan abjad, il-qniepen ta’ San Pietru jdoqqu b’leħen għoli biex jikkonfermaw it-tħabbira mistennija: “Habemus papam!” (“Għandna papa!”).

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.

LURA GĦALL-FAĊĊATA