Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) għandha storja ta’ aktar minn mitt sena ta’ servizz, dedikazzjoni u fidi. Il-fundatur tagħha, Monsinjur Ġużeppi De Piro, kellu viżjoni ċara: li jwaqqaf kongregazzjoni ta’ patrijiet li jmorru jxandru l-Kelma ta’ Alla f’artijiet fejn il-preżenza Nisranija kienet nieqsa jew limitata. Għalkemm sab ħafna ostakli, qatt ma tilef it-tama. Il-ħolma tiegħu saret realtà meta l-ewwel missjunarju, Fra Ġużeppi Caruana, intbagħat l-Abbissinja u qatta’ ħajtu kollha jagħti servizz hemmhekk.
Wara l-mewt ta’ Mons De Piro fl-1955, is-suċċessuri tiegħu żammew il-kariżma u l-missjoni ħajja. Fis-snin li ġejjin, il-patrijiet bdew jintbagħtu f’artijiet differenti. Fl-Awstralja, ġew appoġġjati komunitajiet Maltin li kienu emigrati, speċjalment fi żmien fejn il-pajjiż kien għaddej minn sfidi ekonomiċi u soċjali.
Il-missjoni kompliet tinfirex b’ħeġġa kbira. Bi talba ta’ Monsinjur Redent Gauci, patrijiet Maltin ġew mibgħuta l-Perù. L-ewwel waqfa tagħhom kienet Aplao, u wara komplew il-ħidma f’Lima u Arequipa, fejn għadhom attivi sal-lum. F’pajjiż bħall-Pakistan – b’popolazzjoni l-aktar Musulmana – il-patrijiet għadhom jgħinu kemm lill-Insara li jgħixu fil-faqar u jsofru diskriminazzjoni, kif ukoll lit-tfal Musulmani li jattendu l-kulleġġ tal-MSSP.

Illum, Fr Pierre u Fr Gerald qed iħaddnu l-viżjoni ta’ Mons De Piro billi jwettqu xogħol pastorali u soċjali li hu dejjem ħolom bih, imma ma rnexxilux iwettaq minħabba problemi ta’ saħħa. Sadanittant, Fr Joe Cremona ilu 25 sena fil-Filippini fejn jaħdem ma’ komunitajiet fqar f’Bataan u f’villaġġi remoti fil-muntanji.
Il-maratona Oħloq Tbissima, organizzata minn Cpi Media, hija mezz kif Malta tkompli ssaħħaħ din il-missjoni. Grazzi għad-donazzjonijiet, il-patrijiet jistgħu jkomplu jagħmlu differenza f’ħajjiet ħafna nies foqra u mwarrba.
Kieku Mons De Piro għadu fostna, żgur kien jifraħ b’dak kollu li nkiseb. Il-ħolma tiegħu għadha ħajja – mhux biss f’Malta, imma fid-dinja kollha.