Illum niċċelebraw lil San Patrizju, ‘appostlu tal-Irlanda’

via ACI Prensa

Kull 17 ta’ Marzu, il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Patrizju (c. 386-461), isqof u missjunarju. Hu, flimkien ma’ Santa Briġida u Santa Colomba, għandu l-patroċinju tal-Irlanda, ġens li l-identità u l-istorja tiegħu ġew iffurmati fil-qalba tal-Kattoliċiżmu.

San Patrizju, Arċisqof ta’ Armagh, ġab l-Aħbar it-Tajba f’artijiet Irlandiżi fi żminijiet ta’ espansjoni tal-Evanġelju fl-Ewropa. Ċertament, il-Kristjaneżmu kien diġà preżenti fil-gżira qabel, iżda ma kienx sal-wasla ta’ San Patrizju li l-kultura Nisranija setgħet tinfirex u tieħu l-għeruq hemmekk. Għalhekk, dan il-qaddis kbir jissejjaħ ‘l-Appostlu tal-Irlanda’.

Skjavitù

L-Irlanda. Ritratt: NASA/Dominju pubbliku

San Patrizju twieled fil-Brittanja (illum il-Gran Brittanja) madwar is-sena 386. Ismu meta twieled kien Maewyn Succat. Missieru kien Nisrani u kien jipprattika d-djakonat. Meta kien żgħir ħafna, id-dar tiegħu sfat ir-regħba tal-vandali li bil-forza ħaduh fil-gżira viċina tal-Irlanda, fejn inbiegħ u ġie mġiegħel jaħdem bħala skjav.

Għas-sitt snin ta’ wara, San Patrizju għex iħares in-nagħaġ, sakemm kellu l-opportunità li jaħrab u jmur lura d-dar. Wara li reġa kiseb il-libertà, beda l-mixja spiritwali tiegħu li wasslitu għas-saċerdozju u, aktar tard, sar isqof tal-artijiet li fihom bata l-jasar.

Biss bis-saħħa ta’ dawk is-snin qarsa ta’ qtugħ il-qalb, San Patrizju seta’ jiskopri mill-ġdid il-fidi tiegħu.

Ġesù huwa kollox

San Patrizju: Ritratt: WIkimedia Commons

Mill-Gran Brittanja, San Patrizju mar il-Galja (illum, Franza) fejn beda japprofondixxi l-għarfien tal-fidi Nisranija. Hemmhekk ġie ordnat saċerdot minn San Ġermanu ta’ Auxerre. Wara li kellu viżjoni, mar lura lejn l-Irlanda fejn fehem li Alla sejħu biex jevanġelizza.

In-numru ta’ Nsara f’dik il-gżira kien kiber, u l-papa ħa d-deċiżjoni li jaħtar isqof biex iservi lill-komunità lokali. Sfortunatament, min kien inħatar biex jokkupa s-sede episkopali miet f’daqqa u l-inkarigu waqa’ f’idejn San Patrizju.

Weraq tas-silla

Is-shamrock– is-silla bi tliet ponot. Ritratt: Dominju pubbliku

Tradizzjonalment jingħad li l-isqof uża s-shamrock– is-silla bi tliet ponot – biex idawwal lin-nies dwar id-duttrina u l-fehma tan-natura divina: tliet persuni f’Alla wieħed.

San Patrizju kien juża s-silla biex jitkellem dwar it-Trinità, permezz ta’ analoġija bejn it-tliet ponot tas-silla u t-tliet persuni divini, distinti iżda li jiffurmaw realtà waħda biss. Dan huwa ekwivalenti, taħdit trinitarju, għal Alla l-Missier, Alla Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu, tliet persuni u Alla wieħed veru.

Illum, il-weraq tas-silla huwa s-simbolu tal-Irlanda.

Jum San Patrizju

Il-Katidral ta’ San Patrizju fi New York City, l-Istati Uniti. Ritratt: Dominju pubbliku

Id-devozzjoni lejn San Patrizju nfirxet mad-dinja kollha, partikolarment fil-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż, grazzi għall-migrazzjoni mill-Irlanda.

F’postijiet fejn hemm komunitajiet Irlandiżi, hija drawwa li jiċċelebraw b’dekorazzjonijiet u ħwejjeġ kulur aħdar – il-kulur nazzjonali – u jorganizzaw marċi jew parati li jiġbru flimkien mhux biss devoti iżda ukoll nies ta’ kull razza, twemmin u kultura, kif inhu l-każ taċ-ċelebrazzjoni li ssir fi New York City, l-Istati Uniti.

Hemm, pereżempju, waħda mill-eqdem u l-aktar tradizzjonijiet ċċelebrati hija l-parata ta’ Jum San Patrizju, li tmur lura sa minn żminijiet kolonjali. Fil-bidu tagħha, il-parata kellha protagonisti mill-Irlandiżi li kienu parti mill-armata Ingliża, li kienu jilbsu l-aħdar u jkantaw kanzunetti tipiċi bid-daqq tal-bagpipes. Dak l-ispirtu baqa’ maż-żmien u llum din il-parata hija waħda mill-akbar ċelebrazzjonijiet fil-belt Amerikana. Ir-rappreżentant tal-kulur jibqa’ aħdar u l-parteċipanti – l-aktar nies tal-post – jgħaddu minn quddiem il-famuż Katidral ta’ San Patrizju.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA