Il-Visti tas-Seba’ Knejjes f’jum Ħamis ix-Xirka

Tbissima.mt u Catholic News Agency

Il-Visti tas-Seba’ Knejjes isiru f’Ħamis ix-Xirka tard filgħaxija u anke fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira filgħodu. Dawn il-visti li jkunu organizzati minn diversi fratellanzi u għaqdiet jitmexxew minn qassis, li bis-salib tal-Via Sagra u żewġ lanterni jimxu u jmorru minn knisja għal oħra u fihom isir it-talb u l-qari mill-Evanġelji.

Lejlet il-Ġimgħa l-Kbira hu jum liturġiku ta’ ċerta importanza fil-Knisja Kattolika u fid-dinja Nisranija, għax dakinhar l-Insara jfakkru L-Aħħar Ċena meta fiha Kristu stabbilixxa l-Ewkaristija. F’dan il-jum il-Knisja Kattolika tfakkar dan l-avveniment billi tiċċelebra l-quddiesa ta’ filgħaxija b’mod ċeremonjali u simbolika. Fil-quddiesa isir ir-ritwal tradizzjonali tal-ħasil tar-riġlejn tal-Appostli.

Ftit wara t-tmiem tal-quddiesa ċeremonjali ta’ Ħamis ix-Xirka, ma’ Malta kollha, eluf ta’ nies  jibdew jagħmlu s-Seba’ Viżti quddiem l-Altar tar-Repożizzjoni. Għad-devoti tas-Seba’ Viżti dan hu speċi ta’ pellegrinaġġ li matulu jsir talb fil-kappella tas-sagrament, jew quddiemha, skont kemm jippermetti l-ispazju tagħha fejn il-follol ta’ nies jinġabru.

Il-Visti tas-Seba’ Knejjes hija kkreditata li bdiet f’Ruma ma’ San Filippu Neri fl-1500s. Neri kien imexxi gruppi ta’ fidili biex iżuru kull waħda mis-seba’ bażiliki ta’ Ruma fil-lejl tal-Ħamis il-Qaddis bħala mod kif iżomm l-għassa ma’ Kristu bħallikieku fil-Ġnien tal-Ġetsemani qabel il-passjoni tiegħu. 

Illum, id-devozzjoni hija pprattikata primarjament fl-Amerika Latina, l-Italja, il-Polonja, u l-Filippini.

Kull żjara tappella lill-fidili biex jirriflettu fuq is-seba’ postijiet finali li mar Ġesù mill-arrest tiegħu fil-Ħamis il-Kbira sal-mewt tiegħu fil-Ġimgħa l-Kbira.

F’kull knisja, il-pellegrini jinżlu għarkobbtejhom quddiem l-artal tal-mistrieħ, jimmeditaw fuq silta skritturali, u joffru talb u adorazzjoni. 

Caurino at Italian Wikipedia. Ritratt: Wikimedia Commons

Hawn huma s-siltiet tal-Iskrittura biex nirriflettu fuqhom f’kull knisja:

1) Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani (Lq 22:39-46)

2) Ġesù quddiem il-qassis il-kbir (Ġw 18:19-22)

3) Ġesù quddiem Kajfa (Mt 26:63-65)

4) Ġesù quddiem Pilatu (Ġw 18:35-37)

5) Ġesù quddiem Erodi (Lq 23:8-9; 11)

6) Ġesù mill-ġdid quddiem Pilatu (Mt 27:22-26)

7) It-tislib u l-mewt ta’ Ġesù (Mt 27:27-31)

Nirriflettu fuq il-passjoni ta’ Kristu

Fl-ewwel knisja, il-fidili jfakkru lil Ġesù sejjer mill-kamra ta’ fuq, fejn iċċelebra l-Aħħar Ċena mad-dixxipli tiegħu, għall-Ġnien tal-Ġetsemani, fejn talab bil-ħerqa u għaraq demm fl-agunija tiegħu dwar dak li kien se jseħħ.

Fit-tieni knisja, il-pellegrini jimmeditaw fuq Ġesù li jittieħed mill-Ġnien tal-Ġetsemani mill-folla armata lejn dar Anna, il-kunjat ta’ Kajfa l-qassis il-kbir, fejn ġie interrogat u daqqa ta’ ħarta f’wiċċu.

Fit-tielet knisja, it-talb jiffoka fuq Ġesù li ġie miġjub fid-dar ta’ Kajfa, fejn ġie msawwat, beżaq, insultat, u ġarrab lejl ta’ wġigħ fil-jasar.

Il-qalba tar-riflessjoni għar-raba’ knisja hija l-ewwel darba li Ġesù tressaq quddiem Pilatu, il-gvernatur Ruman tar-reġjun. Hemmhekk Ġesù ġie akkużat mill-awtoritajiet reliġjużi Lhud li kien sultan rivali għal Ċesari.

Fil-ħames knisja, il-pellegrin jimxi wara l-Mulej hekk kif jittieħed għand is-sultan Erodi, li flimkien mal-gwardjani tiegħu jqarraq bih.

Is-sitt knisja tfakkar li Ġesù ttieħed mingħand Erodi u ġie mressaq quddiem Pilatu għat-tieni darba u mbagħad imfakkel, inkurunat bix-xewk, imqarraq u kkundannat għall-mewt.

L-aħħar knisja tfakkar lil Kristu iġorr is-salib fuq spallejh mill-Pretorju, fejn Pilatu ċeda għat-talba tal-folla għat-tislib tiegħu, sal-Muntanja tal-Kalvarju fejn sofra uġigħ kbir, miet, u ġie mistrieħ f’qabar fil-qrib sal-qawmien tiegħu mill-imwiet nhar Ħadd il-Għid.

LURA GĦALL-FAĊĊATA