Il-qdusija ta’ Pedro Ballester tavvanza wara ħajja ta’ fidi u tbatija

Andy Drozdziak via EWTN News

L-eċċitament qed jikber fir-Renju Unit wara li djoċesi Ingliża ħabbret li żagħżugħ b’“fidi enormi” uffiċjalment jinsab fi triqtu biex possibbilment jissejjaħ qaddis, fuq il-passi ta’ San Carlo Acutis u San Pier Giorgio Frassati.

Pedro Ballester, li twieled f’Manchester, miet fit-13 ta’ Jannar 2018, fl-età ta’ 21 sena b’kanċer fl-għadam wara ħajja ta’ talb, sagrifiċċju u virtù. Fi stqarrija tat-13 ta’ Mejju , id-Djoċesi ta’ Salford ħabbret: “Għandna l-pjaċir inħabbru l-ftuħ tal-kawża għall-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Pedro Ballester, żagħżugħ minn Manchester li ħajtu ta’ fidi u xhieda tkompli tispira lil ħafna.”

“Il-ftuħ ta’ din il-kawża jimmarka pass importanti fir-rikonoxximent tal-ħajja u x-xhieda ta’ żagħżugħ li l-eżempju ta’ fidi tiegħu, speċjalment fid-dawl tat-tbatija, għadu jirresona ma’ ħafna nies illum.”

It-tħabbira timmarka l-ewwel pass fit-triq lejn il-qdusija, bid-djoċesi titlob “rakkonti, memorji, kitbiet attribwiti lil Pedro, inklużi djarji, ittri,” li “jistgħu jgħinu biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni ta’ Pedro għall-qdusija.” Aktar minn 60 persuna li kienu jafu lil Ballester, inklużi familja u ħbieb, diġà ġew intervistati mill-awtoritajiet tal-Knisja.

F’intervista ma’ EWTN News, Dun Joseph Evans, kappillan ta’ Greygarth Hall, Manchester, li akkumpanja lil Ballester matul l-aħħar sena ta’ ħajtu, laqa’ t-tħabbira u qal: “Din hija aħbar tajba. Ħafna żgħażagħ illum, partikolarment irġiel żgħażagħ, qed juru interess imġedded fil-fidi u qed ifittxu mudelli awtentiċi. Huma għajjenin minn soċjetà bbażata fuq ir-ratba u l-falzità fejn il-kumdità u l-faċilità huma ppreżentati bħala l-għanijiet aħħarija.”

Pedro Ballester, fuq ix-xellug, mal-familja u l-ħbieb, inkluż il-Kardinal Arthur Roche, prefett tal-Kongregazzjoni għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, li kien iċ-ċelebrant ewlieni fil-Quddiesa tal-funeral taż-żagħżugħ fl-2018. | Kreditu: Ritratt korteżija tal-Opus Dei
Pedro Ballester, fuq ix-xellug, mal-familja u l-ħbieb, inkluż il-Kardinal Arthur Roche, prefett tal-Kongregazzjoni għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, li kien iċ-ċelebrant ewlieni fil-Quddiesa tal-funeral taż-żagħżugħ fl-2018. | Kreditu: Ritratt korteżija tal-Opus Dei

Ballester twieled f’familja Kattolika u l-ġenituri Spanjoli tiegħu, li marru joqogħdu l-Ingilterra għal raġunijiet professjonali, huma membri miżżewġin tal-Opus Dei, prelatura personali tal-Knisja Kattolika mwaqqfa fi Spanja minn San Josemaría Escrivá fl-1928. Ballester innifsu ngħaqad mal-Opus Dei fl-2013 bħala membru “numerarju” – jiġifieri impenja ruħu għaċ-ċelibat għal għomru u jgħix il-kariżma tal-Opus Dei fid-dinja.

Wara li rebaħ post fl-Imperial College f’Londra biex jistudja l-inġinerija kimika fl-2014, Ballester esperjenza uġigħ qawwi fid-dahar matul l-ewwel semestru tiegħu, u wara ġie djanjostikat b’kanċer avvanzat tal-pelvi. Imbagħad mar l-Isptar Christie’s, Manchester, għal kura għall-kanċer, fejn il-fidi u t-tjubija tiegħu ġew innutati hekk kif fittex li jressaq lill-viżitaturi frekwenti tiegħu eqreb lejn Alla.

Evans enfasizza kif il-ħajja ta’ Ballester tista’ tagħti s-setgħa lin-nies biex isegwu lil Kristu f’nofs it-tbatija, fejn qal: “It-tliet snin ta’ tbatija ta’ Pedro kienu ’l bogħod ħafna mill-kumdità u l-faċilità. Huwa bata bil-kbir iżda wkoll b’fidi enormi.”

It-tbatija ta’ Ballester marret għall-agħar wara d-dijanjosi tal-kanċer tiegħu u kien jesperjenza regolarment uġigħ akut qabel mewtu, iżda Evans irrimarka li ż-żagħżugħ “sab l-hena f’għoti profond tiegħu nnifsu u tbatija profonda.”

Hu qal: “Hu tassew sab lil Kristu fit-triq iebsa, imma segwieh b’ferħ kbir.”

Id-Djoċesi ta’ Salford issa tinsab fil-proċess li tirrevedi l-ħajja ta’ Ballester, filwaqt li tirrikonoxxi li “matul is-snin minn mewtu, ir-reputazzjoni tiegħu għall-qdusija kibret b’mod sinifikanti.” Dan l-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni huwa l-ewwel pass lejn il-kanonizzazzjoni, qabel investigazzjoni estensiva mid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin, li se jesplora jekk Ballester għexx ħajja ta’ “virtù u qdusija erojka” u għandux isir qaddis.

Is-sajd kien wieħed mill-passatempi favoriti ta’ Pedro Ballester. Ballester twieled f’Manchester, l-Ingilterra, u miet fl-2018 fl-età ta’ 21 sena b’kanċer fl-għadam. Il-kawża tiegħu għall-kanonizzazzjoni nfetħet uffiċjalment. | Kreditu: Ritratt korteżija tal-Opus Dei
Is-sajd kien wieħed mill-passatempi favoriti ta’ Pedro Ballester. Ballester twieled f’Manchester, l-Ingilterra, u miet fl-2018 fl-età ta’ 21 sena b’kanċer fl-għadam. Il-kawża tiegħu għall-kanonizzazzjoni nfetħet uffiċjalment. | Kreditu: Ritratt korteżija tal-Opus Dei

Jack Valero mill-Opus Dei, li qed jippromwovi l-kawża ta’ Ballester għall-qdusija, qal lil EWTN News li huwa “ferħan” bit-tħabbira, u żied li ż-żgħażagħ huma “ispirati ħafna” mill-ħajja ta’ Ballester.

“Irċevejna rapporti minn ħafna pajjiżi differenti ta’ nies li jiksbu favuri mingħand Alla wara li jitolbu bl-interċessjoni ta’ Pedro,” qal Valero. “Ħafna żgħażagħ huma ispirati ħafna minn Pedro, raġel li dejjem kien ferħan u jaħseb f’ħaddieħor anke f’nofs tbatija kbira.”

Valero kkummenta wkoll li wħud minn dawn ir-rapporti jistgħu jinstabu fuq il- websajt iddedikata għall-ħajja u l-kawża ta’ Ballester. F’rakkont wieħed, Blanca, ta’ 15-il sena, minn Asturias, Spanja, kienet f’kundizzjoni ta’ theddida għall-ħajja wara li sofriet puplesija serja f’Novembru 2023. Wara operazzjoni maġġuri fil-moħħ, il-familja u l-ħbieb talbu għall-interċessjoni ta’ Ballester. Blanca għamlet irkupru sinifikanti, li t-tobba sejħulu “miraklu,” u ħarġet mill-isptar fil-11 ta’ Diċembru 2023. 

Id-Djoċesi ta’ Salford sellmet “is-serenità u l-fidi notevoli” ta’ Ballester, u Evans qal li jittama li dan l-ewwel pass iwassal għall-kanonizzazzjoni tiegħu u jispira liż-żgħażagħ fit-“tfittxija tagħhom għal Kristu”.

“Pedro joffri liż-żgħażagħ tal-lum mudell ta’ tfittxija awtentika għal Kristu, għax jafu li dan ifisser ukoll li nħaddnu s-salib. Madankollu jekk nagħmlu dan, dan iġib il-ferħ,” qal.

LURA GĦALL-FAĊĊATA