Hannah Brockhaus via Catholic News Agency
Il-Papa Franġisku sejjaħ għall-espansjoni tal-librerija u l-arkivji tal-Vatikan għal bini barra l-Belt tal-Vatikan biex dan il-patrimonju prezzjuż ikun aktar disponibbli.
F’ittra datata 29 ta’ Ottubru u maħruġa nhar it-Tlieta, il-Papa ddikjara li parti mill-arkivji u l-librerija jiġu mċaqalqa għal bini fi proprjetà extraterritorjali tal-Vatikan fl-Arċibażilika ta’ San Ġwann Lateran.
Il-bini fejn se jinżammu d-dokumenti u l-kotba fil-futur jintuża wkoll għas-seminarju maġġuri ta’ Ruma.
“Il-kura antika ta’ sekli għall-kustodja tal-atti u d-dokumenti li jikkonċernaw il-gvern tal-Knisja universali, flimkien ma’ impenn għall-iżvilupp u t-tixrid tal-kultura, huma l-karatteristiċi tal-attività tal-Arkivji u l-Librerija tal-Vatikan,” Papa. Franġisku kiteb f’kirografu papali.
Skont l-ittra, se jsiru rinnovazzjonijiet biex jitħejja l-ispazju. Franġisku talab ukoll għall-ħolqien ta’ kummissjoni ta’ rappreżentanti mis-Segretarjat tal-Istat, l-Arkivji Appostoliċi tal-Vatikan, u l-Librerija tal-Vatikan biex jiddeċiedu liema kategoriji ta’ dokumenti għandhom jiġu trasferiti fil-post il-ġdid.
F’Lulju, il-Papa Franġisku ħatar lil Patri Agostinjan Rocco Ronzani bħala l-prefett il-ġdid tal-Arkivju Appostoliku tal-Vatikan.
Magħruf qabel bħala l-“arkivju sigriet” tal-Vatikan, fih 53 mil taʼ xkaffar taħt l-art li jippreservaw dokumentazzjoni minn papacies storiċi, kunsilli ekumeniċi, konklavi, u nunzaturi tal-Vatikan, jew ambaxxati, madwar id-dinja.
Il-Librerija tal-Vatikan, skont il-websajt tagħha, “tippreserva ‘l fuq minn 180,000 manuskritt (inklużi unitajiet ta’ arkivji), 1,600,000 ktieb stampat, madwar 9,000 inkunabula, aktar minn 300,000 munita u midalja, aktar minn 150,000 stampa, eluf ta’ tpinġijiet, inċiżjonijiet u ritratti. ”
Fil-forma attwali tagħha l-librerija tmur għas-seklu 14, għalkemm hemm evidenza li l-Knisja Kattolika kellha librerija u arkivju sa mis-snin 300.
Il-Papa Ljun XIII fetaħ l-arkivju għall-istudjużi fl-1881. Riċerkaturi kwalifikati jistgħu jitolbu permess biex iżuru u jaraw dokumenti speċifiċi kemm fl-arkivju kif ukoll fil-librerija.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.
Ritratt: Is-Sala Sistina tal-Librerija tal-Vatikan, il-librerija tas-Santa Sede, bħalissa tinsab fil-Belt tal-Vatikan, hija waħda mill-eqdem libreriji fil-dinja. Kreditu: Checco2/Shutterstock via Catholic News Agency Access for Editors