Il-knisja f’Ruma fejn tista’ tara l-kranju ta’ San Valentinu

Hannah Brockhaus via EWTN News

Meta ħafna nies jaħsbu dwar l-imħabba romantika, probabbilment ma jiġix f’moħħhom kranju tat-tielet seklu inkurunat bil-fjuri – u lanqas l-istorja warajh.

Imma żjara f’bażilika Biżantina umli f’Ruma tista’ tbiddel dan.

“Waħda mill-aktar relikwi importanti li ssib f’din il-bażilika hija dik ta’ San Valentinu,” qal ir-rettur tal-knisja, Fr. Chihade Abboud, lil EWTN News.

Ritratt via EWTN News

Magħruf bħala l-qaddis patrun tal-koppji għad-difiża tiegħu taż-żwieġ Nisrani, San Valentinu ġie martrijat bid-dekapitazzjoni fl-14 ta’ Frar. Huwa wkoll l-ispirazzjoni wara ċ-ċelebrazzjoni moderna ta’ Jum San Valentinu.

U l-kranju tiegħu jista’ jiġi venerat fil-bażilika minuri ta’ Santa Maria in Cosmedin ħdejn iċ-Circus Maximus f’Ruma.

Il-bini ta’ Santa Maria in Cosmedin beda fit-8 seklu, fiċ-ċentru tal-komunità Griega f’Ruma. Il-bażilika nbniet fuq il-fdalijiet ta’ tempju Ruman antik.

San Velentinu. Ritratt via Wikimedia Commons

Illum, fil-portiku ta’ quddiem tiegħu, it-turisti jagħmlu kju biex idaħħlu idejhom ġewwa l-ħalq miftuħ tal-maskra tal-irħam li saret famuża minn xena bejn Audrey Hepburn u Gregory Peck fil-film tal-1953 “Roman Holiday.”

Meta jkunu qed ifittxu opportunità biex jieħdu ritratti, ħafna turisti ma jafux li ftit metri ‘l bogħod minn “Ħalq il-Verità” tinsab il-kranju tal-qaddis tal-imħabba.

Iżda r-reputazzjoni ta’ San Valentinu bħala patrun tal-koppji ma nkisbitx faċilment. Magħruf li kien jew qassis jew isqof, għex matul wieħed mill-aktar perjodi diffiċli ta’ persekuzzjoni Nisranija fil-Knisja bikrija.

Skont il-biċċa l-kbira tar-rakkonti, wara żmien ta’ priġunerija, ġie msawwat u mbagħad dekapitat, x’aktarx talli sfida l-projbizzjoni tal-imperatur fuq is-suldati Rumani milli jiżżewġu.

“San Valentinu kien qaddis inkonvenjenti għalihom,” qal Fr. Abboud, “għax kien jemmen li l-ħajja tal-familja tagħti appoġġ lill-persuna.”

“Huwa kompla jamministra s-sagrament taż-żwieġ.”

Ir-relikwi ta’ San Valentinu nstabu waqt skavar f’Ruma fil-bidu tas-seklu 19, għalkemm mhux ċar eżattament kif il-kranju tiegħu spiċċa fil-knisja Biżantina fejn jinstab illum.

Il-Knisja ta’ Santa Maria in Cosmedin. Ritratt via Wikimedia Commons

Fl-1964, il-Papa Pawlu VI ta lil Santa Maria in Cosmedin lill-kura tal-patrijarka tal-Knisja Kattolika Griega Melkita, li hija parti mir-Rit Biżantin.

Il-bażilika saret is-sede tar-rappreżentant tal-Knisja Griega Melkita għall-papa, rwol li issa għandu Abboud, li joffri l-Liturġija Divina għall-komunità kull nhar ta’ Ħadd.

Wara l-Liturġija Divina, li tingħad bit-Taljan, bil-Grieg, u bl-Għarbi, Abboud iħobb jitlob quddiem ir-relikwi ta’ San Valentinu.

Il-qassis fakkar f’istorja dwar San Valentinu, li tgħid li meta l-qaddis kien il-ħabs, il-gwardjan inkarigat talbu jitlob għall-fejqan ta’ bintu, li kienet għamja. Bit-talb ta’ Valentinu, bint reġgħet kisbet id-dawl.

“Aħna ngħidu li l-imħabba hija għamja — le! L-imħabba tara u tara tajjeb,” qal Abboud. “Ma tarax kif irridu naraw aħna, għax meta wieħed ikun attirat lejn persuna oħra jara xi ħaġa li ħadd ma jista’ jara.”

Abboud talab lin-nies biex jitolbu għat-tisħiħ tas-sagrament taż-żwieġ fis-soċjetà.

“Nitolbu l-interċessjoni [ta’ San Valentinu], biex inkunu nistgħu verament ngħixu mumenti ta’ mħabba, li nkunu fl-imħabba, u li ngħixu l-fidi u s-sagramenti tagħna, u ngħixu tassew b’fidi profonda u qawwija,” qal.

LURA GĦALL-FAĊĊATA