Ikompli l-programm ta’ formazzjoni ispirat minn Charles de Foucauld

Il-Fraternità Charles de Foucauld Malta tistieden lil dawk kollha interessati biex jingħaqdu għall-bqija tal-programm ta’ formazzjoni li għaddej bħalissa fis-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat.

Il-programm ta’ formazzjoni jissokta nhar il-Ħadd 4 ta’ Mejju b’ħames sessjonijiet li jikkonkludu fl-1 ta’ Ġunju.

“Jekk inti persuna li tixxennaq għal dak li hu pur u essenzjali, jekk għandek bżonn is-silenzju biex terġa ssib lilek innifsek, dan il-kors huwa għalik,” jgħidu l-membri tal-Fraternità.

“Qum u imxi… Ġesù qiegħed jistenniek…”

Dan il-kors huwa maħdum għal kull min jixtieq isir jaf lil Ġesù personalment u jidħol f’intimità akbar miegħu filwaqt li jibqa’ impenjat ma’ ħutu u fis-soċjetà.

Il-programm ispirat minn Charles de Foucauld iservi ukoll biex ilaqqa’ lil min jixtieq jiltaqa’ aktar mill-qrib ma’ dan il-qaddis u l-ispiritwalità tiegħu – min, f’dawn iż-żminijiet kaotiċi, jixtieq jesperjenza s-silenzju profond fejn jinsab Alla, min jixtieq jidħol fil-profond ta’ x’ifisser id-deżert f’din l-ispiritwalità.

Il-Fraternità toffri ambjent sempliċi fejn kull wieħed iħossu milqugħ, ġej minn fejn ġej u hi x’inhi s-sitwazzjoni li jinsab fiha.

Il-laqgħat tal-Erbgħa u l-Laqgħa tal-Bibbja tal-Ħadd 4 ta’ Mejju ikunu ta’ €10 kull waħda.

Dawk li jattendu l-laqgħa tal-1 ta’ Ġunju jkunu mistennija li jattendu l-laqgħa kollha inkluż l-ikla ta’ nofsinhar. Il-prezz għal din il-laqgħa ikun ta’ €26 u barra l-ikla ta’ nofsinhar, jinkludi coffee break ta’ nofs filgħodu, b’sandwiches u kejk.

Il-Fraternità tirringrazzja mill-qalb lil kull min wera nteress f’dan il-kors u tapprezza jekk min jixtieq jattendi għas-sessjonijiet li fadal javża mill-aktar fis possibbli.

Għal iktar informazzjoni, ċemplu fuq 7929 8509, 2123 3666, 2123 9548, jew ibgħatu email fuq anne.pace97@gmail.com jew dorisborg46@gmail.com

LURA GĦALL-FAĊĊATA