Id-devozzjoni tas-Seba’ Viżti f’Ħamis ix-Xirka

via Catholic News Agency

Is-Seba’ Viżti huma parti mid-devozzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka li tiġi pprattikata primarjament f’Malta, kif ukoll fl-Amerika Latina, l-Italja, il-Polonja, u l-Filippini. Fiha, l-Insara jżuru seba’ knejjes lokali wara l-Quddiesa tal-Ikla tal-Mulej filgħaxija tal-Ħamis il-Kbira. Dawn iż-żjarat ifakkru fl-aħħar seba’ postijiet li Ġesù mar mill-arrest tiegħu fil-Ħamis il-Kbira sal-mewt tiegħu fil-Ġimgħa l-Kbira.

Fil-quddiesa ta’ filgħaxija, nhar Ħamis ix-Xirka, ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla tal-Mulej u fi tmiem din iċ-ċerimonja, Ġesù Ewkaristija jittieħed minn fuq l-artal u jitqiegħed fuq l-hekk imsejjaħ “Artal tar-Repożizzjoni”. Billi nhar il-Ġimgħa l-Kbira ma jsirx quddies, dan is-Sagramment iservi għat-tqarbin wara l-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib.

L-Aħħar Ċena, meta Ġuda ttradixxa lil Ġesù. Ritratt: WIkimedia Commons

F’dan il- jum, l-insara jiġu mħajrin biex f’xi ħin matul il-lejl jinġabru għall-adorazzjoni quddiem is-Sagramment Imqaddes biex jesqu lejn il-Mulej fl-agunija tiegħu fil-Ġnien taż-Żebbuġ.

L-Artal tar-Repożizzjoni ma jissimboleġġax is-sepulkru ta’ Kristu, għax Kristu nhar il-Ħamis kien għadu ma mietx għalina, imma jrid ifisser l-imħabba ta’ Kristu li ried jibqa’ magħna fl-Ewkaristija, li hu għoġbu jwaqqaf fl-Aħħar Ikla mal-Appostli tiegħu. Għalhekk l-insara jżejnu dan l-artal bil-fjuri u jdawluh bix-xemgħat bħala sinjal ta’ qima u mħabba.

F’kull knisja, il-pellegrin jinżel għarkobbtejh quddiem l-artal, jimmedita fuq l-Iskrittura xierqa, u joffri talb u adorazzjoni. B’dan il-mod, il-pellegrini jfittxu li jakkumpanjaw spiritwalment lil Kristu hekk kif jidħol fil-passjoni tiegħu.

Matul il-Viżti għandu jinżamm is-silenzju biex ir-ruħ tkun tista’ titkellem mal-Imgħallem Divin bħalma żewġt iħbieb jitkellmu flimkien.

Christ in Gethsemane (1886) ta’ Heinrich Hofmann. Ritratt: Wikimedia Commons

Is-Seba’ Knejjes matul il-Viżti

L-ewwel knisja tfakkar lil Ġesù sejjer miċ-Ċenaklu, fejn iċċelebra l-Aħħar Ċena mad-dixxipli tiegħu, għall-Ġnien tal-Ġetsemani, fejn talab bil-ħerqa u għereq l-għaraq tad-demm fl-agunija tiegħu dwar dak li kien se jseħħ (Luqa 22:39-46).

Fit-tieni knisja, il-pellegrin jimmedita fuq Ġesù meħud mill-Ġnien tal-Ġetsemani mill-folla armata lejn dar Annas, il-kunjat ta’ Kajfa l-qassis il-kbir, fejn ġie interrogat u tawh daqqa ta’ ħarta (Ġwanni 18:19-22).

Fit-tielet knisja, it-talb jiffoka fuq Ġesù waqt li ttieħed id-dar ta’ Kajfa, fejn ġie msawwat, beżqu fuqu, insultawh u ġarrab lejl ta’ wġigħ fil-jasar (Mattew 26:63-68).

Ġesù quddiem Pilatu. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-riflessjoni għar-raba’ knisja tiffoka fuq l-ewwel darba li Ġesù tressaq quddiem Pilatu, il-gvernatur Ruman tar-reġjun. Hemmhekk Ġesù ġie akkużat mill-awtoritajiet reliġjużi Lhud li kien sultan rivali għal Ċesari (Ġwanni 18:35-37).

Fil-ħames knisja, il-pellegrin jimxi wara l-Mulej hekk kif jittieħed għand is-sultan Erodi, li flimkien mal-gwardjani tiegħu qarraq bih (Luqa 23:8-9; 11).

Statwa ta’ Ġesù iġorr is-salib fuq spallejh f’San Pawl il-Baħar. Ritratt: Wikimedia Commons

Is-sitt knisja tfakkar meta Ġesù ttieħed mingħand Erodi u ġie resquh quddiem Pilatu għat-tieni darba u mbagħad inkurunawh bix-xewk u kkundannawh għall-mewt (Mattew 27:22-26).

L-aħħar knisja tfakkar lil Kristu iġorr is-salib fuq spallejh mill-Praetorium, fejn Pilatu ċeda għat-talba tal-folla għat-tislib tiegħu, sal-Muntanja tal-Kalvarju fejn sofra uġigħ kbir, miet u wara difnuh f’qabar fil-qrib sal-qawmien tiegħu fl-Għid il-Kbir (Mattew 27:27-31).

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA