Hekk għamlet Santa Rita ta’ Cassia meta x-xitan ried ibeżżagħha

Abel Camasca via Catholic News Agency

Santa Rita ta’ Cassia, soru Agostinjana li l-festa tagħha hija llum, it-22 ta’ Mejju, iffaċċjat ukoll ix-xitan wiċċ imb’wiċċ. L-għadu tagħha kien itturmentha, iżda spiċċat taħrab minnu meta l-qaddisa tat sinjal speċjali.

Fil-ktieb Ħajja ta’ Santa Rita ta’ Cassia tas-saċerdot Agostinjan Fr. Dan J. Murphy, huwa indikat li x-xitan kien ta’ kuljum jipprova jqarraq biha u jxekkilha milli tagħmel il-penitenza u s-sawm. Madankollu, minkejja li għexet ħajja taʼ penitenza għal aktar minn 40 sena, “ma mardet lanqas ġurnata waħda.”

Ġurnata waħda x-xitan deherilha bħala dragun enormi u orribbli, iżda l-qaddisa diġà kienet taf il-modi qarrieqa tiegħu biex ibeżżagħha u ma beżatx minnu. Għal din ir-raġuni, “kienet tkeċċih billi tagħmel is-sinjal tas-Salib jew tippronunzja l-ismijiet qaddisa ta’ Ġesù u Marija.”

F’okkażjonijiet oħra, meta Santa Rita kienet qed titlob jew timmedita, ix-xitan deher jgħajjat, jagħmel ħsejjes u saħansitra dehrilha f’forom tal-biża’, iżda l-qaddisa reġgħet għamlet is-sinjal tas-salib biex tbeżżgħu u kompliet bil-kalma bil-prattika spiritwali tagħha.

Saint Rita of Cascia, 16th-century Portuguese school.

Min kienet Santa Rita?

Il-ħajja ta’ Santa Rita tinstama’ aktar bħala novella melodrammatika fiż-żminijiet tan-nofs milli storja ta’ Qaddisa. Hi kienet mara speċjali li ffaċċjat diversi sfidi li wassluha għall-qdusija.

Kienet mara miżżewġa, omm, armla, soru u qaddisa. Isimha kien Margerita u sar Rita fil-qosor. Twieldet f’Roccaporena, ftit il- barra minn Cassia fl-Italja. Għexet bejn 1381 u l-1457, fi żmien meta l-Italja kienet għaddejja minn żminijiet imħawda mmarkati minn ġlied vjolenti bejn familji mexxejja b’ħafna qtil u vendetta. 

Minn mindu kienet għadha żagħżugħa, Rita riedet tidħol fil-kunvent. Imma l-ġenituri tagħha skont id-drawwa ta’ dak iż-żmien irranġawlha żwieġ meta kienet għadha żagħżugħa żgħira fl-eta’. Ir-raġel kien wieħed vjolenti u trattaha ħażin waqt li kien il-ħin kollu involut fi ġlied vjolenti. Imma hi baqgħet paċenzjuża u  taħfer waqt li tkun mara miżżewġa tajba  u omm  taż-żewġ uliedhom tewmin. Hi kienet titlob għalih il-ħin kollu u fl-aħħar irnexxielha tbiddillu ħajtu. Imma darba kien maqtul minn familja tal-għadu b’vendikazzjoni ta’ ġlieda li kellhom. Uliedhom it-tnejn wegħdu li jivvendikaw ruħhom mill-għadu. 

Rita talbet bla heda biex huma ma jaslux li joqtlu imma hi iktar xtaqet li tara liż-żewġ uliedha mejtin milli jikkommettu dnub mejjet billi joqtlu. Iż-żewġ uliedha mardu gravement bid-disenterija u mietu ftit wara li kkonvertew. Rita, issa ħasset li tista’ tkompli s-sejħa tagħha li tmur Soru Agostinjana fil-monasteru ta’ Santa Marija Madalena. Imma t-talba tagħha ġiet irrifjutata.

Is-sorijiet bdew jibżgħu jilqugħha fil-kunvent minħabba li seta’ kien hemm xi ġlieda li kienet għadha sejra u jkompluha avolja kienet ġol-kunvent. Rita kienet ħafret pubblikament lill-qattiela ta’ żewġha  imma hi kienet mitluba li ssib mod kif teqred il-ġlieda bejn il-familji rivali. Hi ma beżgħetx imma ħadmet biex tkompli din il-missjoni impossibbli. Iż-żewġ familji kienu mpressjonati bil-kuraġġ tagħha waqt li kienet taħdem għall-paċi. 

Fl-aħħar Rita kienet aċċettata fil-monasteru fejn għaddiet il-ġranet fil-kontemplazzjoni u t-talb. Darba waqt li kienet qed tagħmel meditazzjoni fuq il-passjoni ta’ Kristu, dehret fuq moħha pjaga fonda qisha hi kienet minfuda minn xewka tal-Kuruna tax-Xewk ta’ Kristu. Baqgħet issofri biha sakemm mietet. 

Santa Rita hija l-patruna tal-każijiet impossibbli.

LURA GĦALL-FAĊĊATA