Catholic News Agency
Il-Vatikan ħareġ it-testment tal-Papa Franġisku. Il-ponti ta’ 88 sena miet nhar it-Tnejn tal-Għid filgħodu, 21 ta’ April, fir-residenza tiegħu f’Casa Santa Marta tal-Vatikan, kif ikkonfermat l-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede. Mexxa l-Knisja Kattolika għal ftit aktar minn 12-il sena.
Hawn hu t-test sħiħ tat-testment tal-Papa Franġisku:
Miserando atque Eligendo (“Bi ħniena u tagħżel lilu”)
F’isem l-Iktar Trinità Qaddisa. Amen.
Hekk kif inħoss l-għabex tal-ħajja tiegħi fuq din l-art, u b’tama soda fil-ħajja ta’ dejjem, nixtieq li nagħmel ix-xewqat finali tiegħi biss dwar il-post tad-difna tiegħi.
Tul ħajti, u waqt il-ministeru tiegħi bħala saċerdot u isqof, jien dejjem afdajt ruħi f’idejn Omm Sidna, il-Verġni Marija. Għal din ir-raġuni, nitlob li l-fdalijiet mortali tiegħi jistrieħu — jistennew il-jum tal-Qawmien — fil-Bażilika Papali ta’ Santa Marija Maġġura.
Nixtieq li l-aħħar vjaġġ tiegħi fuq l-art jintemm preċiżament f’dan is-santwarju Marjan antik, fejn dejjem nieqaf nitlob fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull Vjaġġ Appostoliku, b’fiduċja nafda l-intenzjonijiet tiegħi f’idejn l-Omm Immakulata, u nrodd ħajr għall-kura ġentili u materna tagħha.
Nitlob li l-qabar tiegħi jiġi ppreparat fin-niċċa tad-dfin fil-korsija tal-ġenb bejn il-Kappella Pawlina (Kappella tas-Salus Populi Romani) u l-Kappella Sforza tal-Bażilika, kif jidher fil-pjanta annessa.
Il-qabar għandu jkun fl-art; sempliċi, mingħajr ornamenti partikolari, li jġorr biss l-iskrizzjoni: Franciscus.
L-ispiża tal-preparazzjoni tad-difna tkun koperta minn somma mogħtija minn benefattur, li jien irranġajt biex tiġi trasferita fil-Bażilika Papali ta’ Santa Marija Maġġura. Jien tajt l-istruzzjonijiet meħtieġa dwar dan lill-Kardinal Rolandas Makrickas, Kummissarju Straordinarju tal-Bażilika Liberjana.
Jalla l-Mulej jagħti premju xieraq lil dawk kollha li ħabbuni u li jkomplu jitolbu għalija. It-tbatija li mmarkat l-aħħar parti ta’ ħajti, noffri lill-Mulej, għall-paċi fid-dinja u għall-fraternità fost il-popli.
Santa Marta, 29 ta’ Ġunju 2022
FRANĠISKU
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.