Fadal xahar biss biex Oħloq Tbissima terġa’ tgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi għal tlett ijiem ta’ solidarjetà, ġenerożità u tama.
Mill-10 sat-12 ta’ Lulju, id-Dar ta’ San Ġużepp, Santa Venera, se terġa’ tkun il-qalba ta’ maratona li għal kważi kwart ta’ seklu ilha tispira eluf ta’ nies biex jagħtu minn qalbhom favur min għandu bżonn l-għajnuna. Dak li beda bħala inizjattiva sempliċi ħafna snin ilu llum sar wieħed mill-aktar avvenimenti ta’ ġbir ta’ fondi magħrufa f’Malta, mibni fuq il-valuri tas-solidarjetà u l-imħabba lejn il-proxxmu.
Tul dawn l-aħħar snin, il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi għenet biex jitwettqu proġetti importanti kemm fil-missjonijiet tal-MSSP barra minn Malta kif ukoll fid-Dar ta’ San Ġużepp. Kull edizzjoni ġġib magħha stejjer ta’ tama, kuraġġ u ħajjiet mibdula grazzi għall-għajnuna ta’ tant nies ta’ rieda tajba.

L-edizzjoni tal-2026 se tkun il-24 waħda fl-istorja ta’ Oħloq Tbissima u l-organizzaturi diġà jinsabu għaddejjin bl-aħħar preparazzjonijiet biex jilqgħu lill-pubbliku għal tlett ijiem mimlija xandir, divertiment u, fuq kollox, għajnuna konkreta għal min għandu l-aktar bżonn.
Matul il-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed naqsmu aktar tagħrif dwar il-proġetti li se jibbenefikaw mill-fondi miġbura, il-mistednin li se jkunu qed jipparteċipaw u l-attivitajiet li qed jitħejjew għal din l-edizzjoni.
Sadanittant, immarkaw id-dati fil-kalendarju tagħkom u segwu l-paġni uffiċjali ta’ Oħloq Tbissima biex ma titilfu l-ebda aġġornament.
Fadal xahar biss. Xahar biex nerġgħu ningħaqdu għal kawża waħda. Xahar biex flimkien nerġgħu noħolqu tbissima.

Tixtieq tagħti d-donazzjoni tiegħek minn issa?
Żur Oħloq Tbissima jew uża l-app tbissima.mt biex tagħmel il-kontribut tiegħek. Tista’ wkoll iżżurna fid-Dar ta’ San Ġużepp waqt il-maratona mill-10 sat-12 ta’ Lulju.
Kull donazzjoni, kbira jew żgħira, tgħin biex il-missjunarji tal-MSSP ikomplu jagħtu tama lil eluf ta’ persuni fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini, kif ukoll tappoġġja l-ħidma kontinwa fid-Dar ta’ San Ġużepp. Għax tassew, kull qatra tgħodd.