Emerġenza fil-Perù: il-missjoni MSSP minn tal-ewwel li tipprovdi l-għajnuna

Ix-xita qawwija li laqtet lill-Perù f’dawn l-aħħar ġimgħat ħalliet warajha xeni ta’ qerda u tħassib serju għal eluf ta’ familji. Il-gvern f’Lima iddikjara stat ta’ emerġenza f’aktar minn 700 distrett wara għargħar, valangi ta’ tajn u ħsarat kbar fl-infrastruttura.

Toroq prinċipali nqerdu, pontijiet ċedew u komunitajiet sħaħ spiċċaw iżolati, b’ħafna nies jitilfu djarhom jew l-għajxien tagħhom. Is-sitwazzjoni hija marbuta mal-fenomenu klimatiku El Niño Costero, li qed iġib miegħu xita aktar intensa tul il-kosta tal-Oċean Paċifiku u fil-muntanji tal-Andes.

Fost iż-żoni milquta hemm Arequipa, fejn ħafna familji li diġà kienu jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli qed jiffaċċjaw realtà aktar iebsa. Fr Victor Livori, li ilu jmexxi l-missjoni tas-Socjetà Missjunarja ta’ San Pawl f’Arequipa għal bosta snin, qal li l-għargħar u ċ-ċedimenti tal-art affettwaw b’mod partikolari ż-żoni periferiċi, fejn l-infrastruttura hija aktar fraġli u r-riżorsi huma limitati. L-awtoritajiet, flimkien mal-Instituto Nacional de Defensa Civil, qed jaħdmu biex jevalwaw il-ħsarat u jqassmu l-għajnuna, iżda l-isfidi huma kbar u l-bżonnijiet urġenti.

Fr Victor Livori MSSP

F’dan il-kuntest ta’ prova u tbatija, il-preżenza tal-MSSP f’Arequipa tieħu sinifikat aktar profond. Il-missjunarji Maltin, li ilhom snin twal jaħdmu fost il-komunitajiet l-aktar vulnerabbli, jinsabu qrib in-nies mhux biss spiritwalment iżda wkoll b’għajnuna konkreta. F’mumenti bħal dawn, il-missjoni tagħhom ma tkunx biss ta’ kelma u talb, iżda ta’ azzjoni diretta: sostenn lill-familji milquta, appoġġ lit-tfal u liż-żgħażagħ, u solidarjetà ma’ dawk li tilfu kollox.

Il-kriżi attwali tfakkarna kemm il-komunitajiet huma marbuta bejniethom u kemm il-bżonn tal-għaqda u l-ġenerożità huwa kbir. Filwaqt li l-maltemp kompla jħalli marka fuq il-pajsaġġ Peruvjan, il-ħidma tal-MSSP f’Arequipa tibqa’ xhieda ħajja ta’ tama li ma tintefax. F’nofs l-ilma u t-tajn, tkompli titnissel storja oħra – storja ta’ fidi li tinbidel f’servizz u ta’ solidarjetà li tagħti kuraġġ lil min jinsab fil-prova.

Tista’ tagħmel donazzjoni biex tgħin il-missjoni f’Arequipa billi ċċempel ful 5180 2009 għal donazzjoni ta’ €25, 5190 2080 għal donazzjoni ta’ €50, jew Mobile to Mobile Pay 7920 2035

LURA GĦALL-FAĊĊATA