AC Wimmer via Catholic News Agency
Duħħan iswed ħareġ miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina l-Erbgħa filgħaxija quddiem għajnejn attenti tal-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru hekk kif l-ewwel jum tal-votazzjoni tal-konklavi ntemm mingħajr pontifi ġdid.
Ir-rix skur ħareġ għall-ħabta tad-9pm ħin ta’ Ruma, u kkonferma li l-133 kardinal elettur li kienu maqbudin ġewwa ma kinux laħqu l-maġġoranza ta’ żewġ terzi meħtieġa — mill-inqas 89 vot — biex jeleġġu s-suċċessur tal-Papa Franġisku.
Il-Kulleġġ tal-Kardinali beda d-deliberazzjonijiet tiegħu aktar kmieni l-Erbgħa wara l-Quddiesa “Pro Eligendo Romano Pontifice” (“Għall-Elezzjoni tal-Papa Ruman”) iċċelebrata fil-Bażilika ta’ San Pietru.
Il-Kardinal Giovanni Battista Re, dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, ippresieda l-liturġija li fetħet uffiċjalment il-proċedimenti tal-konklavi.
Ftit wara, il-kardinali eletturi pproċessaw fil-Kappella Sistina.
Il-kardinali se jirritornaw fil-Kappella Sistina nhar il-Ħamis filgħodu għal żewġ sessjonijiet ta’ votazzjoni qabel nofsinhar (ħin ta’ Ruma) u tnejn oħra wara nofsinhar. Ma’ kull vot mhux konklużiv, id-duħħan mill-karti tal-vot maħruqa se jkompli joħroġ iswed sal-mument li jiġi elett Papa ġdid.
Meta kandidat jikseb il-voti meħtieġa, duħħan abjad se jagħti sinjal lid-dinja li l-Knisja Kattolika għandha ragħaj ġdid.
Il-Kardinal Dominique Mamberti, il-kardinal djaknu anzjan, imbagħad se jidher fuq il-loggia ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru biex jagħmel it-tħabbira tradizzjonali “Habemus papam”, u b’hekk jiżvela l-identità tas-266 suċċessur ta’ San Pietru.
Matul it-12-il kongregazzjoni ġenerali li wasslu għall-konklavi, il-kardinali identifikaw diversi sfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Knisja, fosthom l-evanġelizzazzjoni, il-vokazzjonijiet, l-abbuż sesswali, il-finanzi tal-Vatikan, is-sinodalità, u l-kunflitti globali.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.