Aktar minn 50,000 abbati f’Ruma għal pellegrinaġġ

Kristina Millare via Catholic News Agency

Aktar minn 50,000 abbati minn 88 djoċesi madwar 20 pajjiż Ewropew niżlu fuq Ruma din il-ġimgħa biex jipparteċipaw fit-13-il Pellegrinaġġ Internazzjonali tal-Abbatini li qed isir mid-29 ta’ Lulju sat-2 ta’ Awwissu.

Coetus Internationalis Ministrantium (CIM), assoċjazzjoni internazzjonali għas-subien u l-bniet abbatini, ilha torganizza dan il-pellegrinaġġ speċjali għal Ruma mill-1961. Il-motto ta’ din is-sena “Magħkom” huwa bbażat fuq kliem minn Isaija 41:10: “Mela tibżax, għax jien miegħek; tiskantax, għax jien Alla tiegħek. Insaħħek u ngħinek; Jiena nsostnik bil-leminija ġusta tiegħi.”

Diversi gruppi ta’ abbatini setgħu jidhru nhar it-Tnejn f’bażiliċi differenti f’Ruma jippreparaw u jiċċelebraw liturġiji bħala parti mill-pellegrinaġġ tagħhom fil-Belt Eterna.

“Il-pellegrinaġġ għal Ruma jippermettilna nesperjenzaw id-diversità u l-unità tal-komunità globali tagħna ta’ abbatini,” qal il-president tas-CIM il-Kardinal Jean-Claude Hollerich, SJ, tal-Lussemburgu f’konferenza stampa nhar it-Tnejn.

“Huwa iktar u iktar sinifikanti li naraw li lkoll ġejna minn pajjiżi differenti, nitkellmu lingwi differenti, u nitolbu b’lingwi differenti imma lkoll għandna servizz wieħed u responsabbiltà waħda. Dan jgħaqqad lill-abbatini biex kull wieħed minnhom jagħmel il-paċi,” żied jgħid.

Minbarra ċelebrazzjonijiet liturġiċi, l-abbatini se jipparteċipaw ukoll f’varjetà ta’ attivitajiet matul il-ġimgħa, inklużi żjarat kulturali f’mużewijiet u skambji soċjali ma’ pellegrini internazzjonali oħra kif ukoll festivals ta’ mużika, films u drama. Twaqqaf ukoll ċentru li jipprovdi appoġġ pastorali vokazzjonali u pariri f’post qrib Pjazza San Pietru.

F’intervista ma’ EWTN News, l-abbati Tobias Kiss mir-Rumanija qal li jinsab eċċitat b’mod speċjali li jara lill-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru nhar it-Tlieta kif ukoll jiltaqa’ ma’ abbatini, qassisin, u ħaddiema pastorali oħra minn pajjiżi differenti matul il-ħamest ijiem tal-pellegrinaġġ internazzjonali.

“Dak li aħna lkoll għandna komuni huwa l-fatt li naqdu fuq l-artal. Aħna nħobbu naqdu fuq l-artal għax aħna qrib il-Mulej Ġesù. Irridu nkunu f’kuntatt ma’ dak kollu li jiġri fil-knisja. Aħna komunità tar-ruħ, ta’ twemmin,” qal Kiss lil EWTN News.

Madwar 35,000 mill-50,000 pellegrin irreġistrat huma minn djoċesijiet mifruxa mal-Ġermanja. Il-President tal-Kummissjoni għall-Ministeru taż-Żgħażagħ tal-Konferenza tal-Isqfijiet Ġermaniżi l-Isqof Awżiljarju Johannes Wübbe qal li kien kuntent bil-parteċipazzjoni għolja taż-żgħażagħ ta’ pajjiżu din is-sena.

“Hemm tradizzjoni twila ta’ ministeru fil-parroċċi [Ġermaniżi] u għalhekk hemm ħafna żgħażagħ li jagħmlu dan fil-parroċċa,” qal l-isqof lil EWTN News.

Wübbe qal li l-abbatini huma wkoll “xempju ta’ tama għall-Knisja kollha fil-Ġermanja,” speċjalment fi żmien meta ħafna drabi jkun diffiċli għaż-żgħażagħ li jkunu xhieda tal-fidi jew ikunu preżenti b’mod attiv fil-knisja.

Pajjiżi oħra rappreżentati fil-pellegrinaġġ ta’ din is-sena jinkludu l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja, l-Isvizzera u l-Ukrajna.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA