Oħloq Tbissima 2025: Preparazzjonijiet intensivi għal maratona li tagħti t-tama

Il-maratona Oħloq Tbissima ilha tgħaqqad il-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin għal dawn l-aħħar 23 sena, u din is-sena mhux se tkun eċċezzjoni. Il-preparazzjonijiet għal din il-maratona li ser issir fil-jiem li ġejjin bdew ħafna qabel, bil-ħidma ta’ tim ta’ voluntiera dedikati li jagħmlu minn kollox biex dan l-avveniment ikun organizzat b’mod professjonali u jkompli jħalli l-frott f’ħajjiet eluf ta’ persuni fil-bżonn.

Agħti t-Tama

Wieħed mill-ewwel passi fil-preparazzjoni kien li jinħatar it-tema u l-logo ta’ din is-sena. B’xorti tajba, dan ma kienx diffiċli: din is-sena, l-avveniment ser ikun marbut mal-Ġublew tat-Tama. Għaldaqstant, is-slogan uffiċjali ser ikun “Agħti t-Tama”, titlu li jiġbor fih l-ispirtu ta’ Oħloq Tbissima, li minn dejjem serva ta’ għajnuna u tama lil dawk li jgħixu fil-periferija tal-Peru, il-Pakistan u l-Filippini, fejn il-missjunarji tal-MSSP jaħdmu bla heda.

F’dawn il-pajjiżi, fejn is-servizzi bażiċi bħal edukazzjoni u saħħa mhumiex aċċessibbli b’xejn, ħafna familji jiddependu fuq l-għajnuna tal-patrijiet. Huma dawk li jiftaħu l-bibien tagħhom lill-fqar u jagħtuhom l-għajnuna materjali, soċjali u morali li jkollhom bżonn, għajnuna li ssir possibbli permezz tal-ġenerożità tal-Maltin u Għawdxin.

Xogħol bla waqfien qabel il-maratona

Il-preparazzjonijiet għall-maratona jinkludu ħafna ħidma bil-quddiem. It-tim diġà beda jikkuntattja lill-patrijiet misjunarji biex jagħrfu liema proġetti hemm l-aktar bżonn ta’ sostenn, u qed jiġbru filmati li juru l-ħidma tagħhom sabiex jiġu ppreżentati waqt il-maratona. Anke d-Dar ta’ San Ġużepp f’Malta ser tingħata l-appoġġ tagħha, bi proġetti identifikati apposta.

Kunċert ta’ Gratitudni

Wara waqfa ta’ ftit snin minħabba l-pandemija, din is-sena ser jerġa’ jkun hemm palk fil-bitħa, fejn min iżur jista’ jgawdi minn spettaklu varjat ta’ kant, żfin u divertiment, filwaqt li jiekol u jixrob minn dak li ser ikun ipprovdut minn kumpaniji li, b’ġenerożità kbira, qed joffru ikel u xorb b’xejn.

Il-preparazzjoni tinkludi wkoll il-kordinazzjoni tal-preżentaturi, il-kantanti, żeffiena u dawk kollha li ser jieħdu sehem fit-telefonati u fil-programmi live. Setijiet fl-istudjos, armar tal-palk, sigurtà, u messaggi promozzjonali għal fuq it-televiżjoni qed jitħejjew ukoll biex kollox jimxi bla intoppi.

Xandira diretta f’Lulju

Il-maratona bejn il-11 u t-13 ta’ Lulju ser tixxandar fuq TVM, ONE u Net TV, filwaqt li FLiving ser ikun qed joffri xandira kontinwa. Il-ħinijiet tax-xandir se jkunu bejn l-16:00 u t-23:00 nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, u mill-16:00 sal-23:30 nhar il-Ħadd.

Dan kollu huwa frott l-impenn ta’ tim li għandu għal qalbu mhux biss il-missjonijiet tal-MSSP, iżda wkoll il-welfare tat-tfal u l-familji li jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli. Grazzi lil kull min, b’qalb tajba, qed jagħti sehmu u qed jgħin biex din il-maratona tkun suċċess u tassew tkompli tagħti t-tama.

LURA GĦALL-FAĊĊATA