X’qalu dawn il-qaddisin dwar l-imħabba u r-relazzjonijiet?

Francesca Pollio Fenton via Catholic News Agency

Fil-kultura mgħaġġla tal-lum, jista’ jkun diffiċli li nkunu nafu kif tidher l-imħabba ta’ Alla fir-relazzjonijiet tagħna.

Hawn insibu għaxar kwotazzjonijient minn xi qaddisin dwar l-imħabba u r-relazzjonijiet biex jgħinuna ngħarrfu din l-imħabba fost dawk l-aktar għal qalbna.

Santa Tereża ta’ Calcutta:

“Huwa faċli li tħobb lin-nies ’il bogħod minna. Mhux dejjem faċli li nħobbu lil dawk qrib tagħna. Huwa aktar faċli li tagħti tazza ross biex ittaffi l-ġuħ milli biex ittaffi s-solitudni u l-uġigħ ta’ xi ħadd mhux maħbub f’darna stess. Ġib l-imħabba f’darek, għax minn hawn trid tibda l-imħabba tagħna għal xulxin.”

San Ġwanni Pawlu II:

“L-imħabba qatt mhi xi ħaġa li hija lesta, xi ħaġa sempliċiment ‘mogħtija’ lir-raġel u lill-mara; huwa dejjem fl-istess ħin ‘kompitu’ li għandhom quddiemhom. L-imħabba għandha titqies bħala xi ħaġa li f’ċertu sens qatt mhi diġà lesta imma dejjem qed issir, u dak li jsir jiddependi fuq il-kontribut taż-żewġ persuni u l-profondità tal-impenn tagħhom.”

Santa Klara ta’ Assisi:

“Aħna nsiru dak li nħobbu u min inħobbu jsawwar dak li nsiru.”

Ritratt: Storyblocks

San Ġwann XXIII:

“Il-karità li kienet tiddi fid-dar ta’ Nazaret għandha tkun ta’ ispirazzjoni għal kull familja. Il-virtujiet Kristjani kollha għandhom jiffjorixxu fil-familja, l-għaqda għandha tiffjorixxi, u l-eżempju tal-għajxien virtuż tagħha għandu jiddi b’mod qawwi.”

San Ġwann Krisostmu:

“Meta raġel u mara jingħaqdu fiż-żwieġ ma jidhrux aktar qishom xi ħaġa tal-art, imma pjuttost qishom ix-xbieha ta’ Alla nnifsu.”

San Josemaría Escrivá:

“Iż-żwieġ huwa hemm biex jgħin lil persuni miżżewġin iqaddsu lilhom infushom u lill-oħrajn. Għal din ir-raġuni jirċievu grazzja speċjali fis-sagrament li waqqaf Ġesù. Dawk li huma msejħin għall-istat taż-żwieġ, bil-grazzja ta’ Alla, isibu fi ħdan l-istat tagħhom dak kollu li għandhom bżonn biex ikunu qaddisa.”

San Ġwanni Pawlu II:

“L-imħabba li twassal għaż-żwieġ hija rigal minn Alla u att kbir ta’ fidi lejn bnedmin oħra.”

Santa Ġanna Molla:

“L-imħabba hija l-isbaħ sentiment li l-Mulej poġġa fl-erwieħ tal-irġiel u n-nisa.”

San Tumas ta’ Akwinu:

“Iktar ma tkun kbira l-​ħbiberija, iktar ikun sod u fit-​tul iż-​żwieġ, peress li aħna magħqudin mhux biss fil-​laħam imma fl-​attività domestika.”

Il-Venerabbli Fulton Sheen:

“Jeħtieġ tlieta biex tagħmel l-imħabba, mhux tnejn: int, il-mara tiegħek, u Alla. Mingħajr Alla, in-nies jirnexxielhom biss joħorġu l-agħar f’xulxin. Min iħobb li m’għandhom x’jagħmlu xejn ħlief iħobbu lil xulxin malajr isibu li m’hemm xejn aktar. Mingħajr lealtà ċentrali, il-ħajja mhix mitmuma.”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency 

LURA GĦALL-FAĊĊATA