X’jaħseb kieku San Tumas t’Akwinu fuq l-AI?

AC Wimmer via Catholic News Agency

X’kien jaħseb kieku San Tumas t’Akwinu dwar l-intelliġenza artifiċjali (AI)? Skont teologu Ġermaniż, il-ħsieb ta’ dal-qaddis u duttur tal-Knisja għadu jista’ jikkontribwixxi għal diskussjonijiet kontemporanji dwar ir-riskji tal-AI u l-irwol tagħha fis-soċjetà.

F’intervista ma’ CNA Deutsch, it-teologu Thomas Marschler mill-Università ta’ Augsburg, qal: “Naturalment, San Tumas t’Akwinu ma setax jipprevedi kif kienet se tiżviluppa t-teknoloġija tad-dinja f’dawn l-aħħar 800 sena.

“Ħadd fi żmienu ma seta’ jimmaġina li xi darba kienu se jiġu vvintati magni li jużaw it-teknoloġija tal-kompjuter biex isolvu problemi b’mod simili għal bnedmin intelliġenti jew saħansitra jaqbżuhom.”

Illustrazzjoni ta’ San Tumas t’Akwinu maħluqa minn DALL-E għal ChatGPT. Ritratt: DALL-E/OpenAI/CNA

Iżda filwaqt li x-xogħol ta’ San Tumas ma fih l-ebda aċċenn dirett għall-AI, ix-xogħol tiegħu jitfa’ dawl fuq l-aspetti filosofiċi u etiċi profondi tal-AI, qal it-teologu Ġermaniż.

San Tumas t’Akwinu iħeġġeġ lill-Kattoliċi “biex jaħsbu dwar jekk dak li hu teknikament fattibbli hux dejjem dak li għandna nimplimentaw fl-azzjonijiet tagħna,” qal Marschler lil CNA Deutsch.

“L-aħħar teknoloġija mhix dejjem dik li tgħinna niksbu l-mira vera ta’ ħajjitna u nsiru tajbin u ferħanin bħala nies li huma xbihat ta’ Alla.

“Jien inqis lil San Tumas t’Akwinu bħala figura seminali fil-filosofija u t-teoloġija tal-Punent, partikolarment magħruf għall-integrazzjoni tiegħu tal-filosofija ta’ Aristotile mad-duttrina Kristjana, li kienet innovattiva għal żmienu,” u żied li “jibqa’ influwenti fit-teoloġija u l-filosofija Kristjana.”

Il-qawmien fl-interess għal San Tumas t’Akwinu

Għal kull min hu interessat li jiltaqa’ mal-ħsieb attwali ta’ San Tumas t’Akwinu, Marschler jissuġġerixxi li nsegwu t-Thomistic Institute f’Washington, DC.

“Il-qawmien fl-interess għall-ħsieb ta’ San Tumas, partikolarment fid-dinja li titkellem bl-Ingliż, jindika r-rilevanza dejjiema tat-tagħlim tiegħu,” żied Marschler.

Illustrazzjoni ta’ San Tumas t’Akwinu maħluqa minn DALL-E għal ChatGPT. Ritratt: DALL-E/OpenAI/CNA

Filwaqt li rrifletta fuq l-impatt usa tal-ħidma ta’ San Tumas t’Akwinu, Marschler enfasizza r-rikonoxximent ta’ dal-qaddis bħala duttur tal-Knisja.

“Il-kanonizzazzjoni tiegħu fl-1323 u n-nomina bħala għalliem tal-Knisja fl-1567 rrikonoxxew l-awtorità tiegħu bħala ‘għalliem universali.’ Minkejja xi reżistenza minn skejjel teoloġiċi oħra, il-ħsieb ta’ San Tumas t’Akwinu ifforma profondament it-teoloġija Kattolika sal-punt li l-ħsibijiet ta’ teoloġi kontemporanji bħal Yves Congar jew Karl Rahner huma kważi impossibbli biex thifimhom mingħajr referenza għal San Tumas t’Akwinu.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA